Tuesday, May 14, 2024

AKTAR INVESTIMENT FL-INFRASTRUTTURA 

Aqra wkoll

Fl-2017 il-Partit Laburista kien wiegħed investiment mingħajr preċedent fl-infrastruttura tal-pajjiż. Il-ħsieb deher ċar mill-bidu. Dak li permezz ta’ bidla f’dan is-settur ukoll jitjieb il-livell tal-għajxien taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li din il-viżjoni qegħda ssir realtà u l-kwalità tal-infrastruttura ta’ pajjiżna qed tibda tixraq u tirrifletti l-ambizzjonijiet tal-poplu tagħna. Ix-xogħol ma waqaf xejn, inkluż f’mument fejn id-dinja qed taffaċċja pandemija. Il-ħaddiema baqgħu jaħdmu u l-investiment baqa’ jsir.

Kulħadd jaf li għal snin sħaħ l-infrastruttura, b’mod speċjali t-toroq, tħallew jitmermru. Sitwazzjoni li kienet raġuni oħra għaliex il-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-mod ta’ għejxien ħadu daqqa tajba l-isfel. Imbagħad meta kienet tkun ġejja xi żjara statali nibdew naraw it-toroq isiru minn fejn ikun se jgħaddi dak il-Kap ta’ Stat. Illum differenti. Illum ix-xogħol għaddej il-ħin kollu.

Meta tħabbret il-wegħda tas- €700 miljun għat-toroq residenzjali fuq medda ta’ seba’ snin kien hemm xettiċiżmu. Saħansitra kien hemm min qal, “dan mhux possibbli u li deħlin fi sqaq”. Iżda, ir-riżultati qed juru mod ieħor għax f’sentejn sar tranġar jew bini mill-ġdid ta’ aktar minn 700 triq residenzjali. Inkunu nonqsu jekk bħala gazzetta li dejjem konna l-leħen taċ-ċittadin, f’ismu dan ma nirrikonoxxuhx. Iżda, hemm iktar minn hekk.

L-infrastruttura ma tiqafx biss mat-toroq u tħares aspetti oħra kruċjali għal pajjiżna bħalma hu l-ambjent. Malta llum qegħda tara t-tieni l-akbar proġett ambjentali jsir realtà, il-Grand Harbour Clean Air Project. Pajjiżna se jkun minn tal-ewwel fl-Ewropa li jintroduċi s-sistema ta’ ship to shore li permezz tagħha se jkun qed jitnaqqas b’mod drastiku, 90% tat-tniġġis fl-arja, li l-cruise liners u vapuri oħra jipproduċu meta jkunu fil-Port il-Kbir. B’dan se jgawdu eluf ta’ familji li se jibbenefikaw minn arja aktar nadifa.

Proġett maġġuri ieħor, li miexi b’ritmu tajjeb huwa dak li qed isir f’Ħal Luqa u dak biswit l-ajruport. Wara li fil-bidu tal-ġimgħa ngħaqdet il-gverta tal-flyover ġdida li qed tinbena fil-Gudja bħala parti mill-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project, mill-Ħamis filgħaxija bdiet ittella’ f’posthom l-istrutturi tal-azzar li se jiffurmaw il-flyover ta’ Ħal Luqa. Dawn iż-żewġ proġetti flimkien mistenni li jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni tul din ir-rotta.

Nemmnu li huwa importanti li dan ix-xogħol ikompli għaddej b’dan ir-ritmu, anke fid-dawl li minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra jerġgħu jibdew l-iskejjel u b’hekk se nerġgħu nesperjenzaw żieda tal-karozzi fit-toroq. Filwaqt li huwa essenzjali li jkun hemm aktar investiment fl-infrastruttura tal-pajjiż, l-awtoritajiet għandhom iżidu l-konsultazzjoni u l-komunikazzjoni biex fl-aħħar mill-aħħar in-nies tifhem aħjar dak li minnu se tgawdi hi stess.

Sport