Wednesday, March 27, 2024

Aktar klijenti jmexxu l-finanzi permezz tal-BOV Mobile

Aqra wkoll

Il-bidla ġenerazzjonali u ż-żieda fl-innovazzjoni qed imexxu bidliet ta’ trasformazzjoni f’diversi setturi, speċjalment fl-industrija bankarja. Hekk kif il-klijenti qed isiru aktar dipendenti fuq t-teknoloġija, huma jfittxu sens ta’ flessibilità u sigurtà ċibernetika fil-mod kif imexxu l-finanzi tagħhom.

Iż-żieda fl-użu tal-BOV Mobile Banking qed issir aktar evidenti hekk kif il-klijenti qed igawdu minn mod flessibbli u faċli biex imexxu il-finanzi tagħhom, f’kull ħin u minn kull post li jridu. Din l-app toffri lill-klijenti sensiela ta’ karatteristiċi bħall-ġestjoni finanzjarja, il-ħlasijiet tal-kontijiet u top-ups tal-mowbajl.

“Fl-2017, iċċelebrajna l-mument li lħaqna 10 miljun login tal-mobile banking f’perjodu ta’ 5 snin, filwaqt li llum il-ġurnata, qed naraw madwar 2 miljun login kull xahar” qal Kenneth Farrugia, Chief Retail Banking Officer fil-Bank of Valletta. Mezzi bankarji diġitali qed jiġu ppreferuti mill-metodi bbażati fuq flus kontanti u ċ-ċekkijiet. Fil-fatt, il-BOV kellu tnaqqis ta’ 34% fl-użu taċ-ċekkijiet mill-bidu tal-2021.

Il-karatteristika tal-pagamenti mobile to mobile hija waħda li ġiet użata minn ħafna klijenti tal-BOV Mobile Banking. Dan jippermetti lill-klijenti biex jibagħtu sa €1000 kuljum lil kwalunkwe klijent ieħor tal-BOV Mobile. Jekk ikunu meħtieġa trasferimenti bl-IBAN, wieħed jista’ juża l-għażla ta’ third-party payments waqt li juża l-istess app mobbli. Dawn il-karatteristiċi joffru lill-individwi u lin-negozji flessibbiltà finanzjarja kuljum.

Il-ħlas tal-kontijiet tiegħek sar ukoll ħafna aktar sempliċi biex tagħmel. B’diversi entitajiet disponibbli fuq applikazzjoni waħda, tista’ tħallas il-kontijiet kollha tiegħek faċilment mingħajr ma taħli l-ħin tiegħek fil-kju. Mhuwiex meħtieġ li żżur diversi websajts u li jkollok tiftakar diversi kredenzjali ta’ login. Il-funzjoni ‘Pay a Bill’ fuq il-BOV Mobile tippermettilek li tħallas il-kontijiet tiegħek ma’ diversi entitajiet bħal kumpaniji tal-assigurazzjoni, kontijiet tal-ilma u elettriku, skejjel u kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, mingħajr ma jkollok għalfejn tidħol f’xi spejjeż addizzjonali.

L-għażla li żżid il-kreditu tal-mobile tiegħek permezz tal-BOV Mobile qed issir funzjoni dejjem aktar popolari. Dejjem jikber in-numru ta’ klijenti tal-BOV li jabbandunaw it-top-up cards ta’ l-antik peress li għandhom l-għażla li jitoppjaw l-mobile tagħhom bi kwalunkwe ammont sa €50 mingħajr ma jkollhom għalfejn iniżżlu xi app oħra jew jistabbilixxu l-karta ta’ kreditu tagħhom.

“Mis-sena li għaddiet, rajna żieda ta’ 20% fit-tranżazzjonijiet bankarji diġitali, li l-biċċa l-kbira minnhom jirrappreżentaw transazzjonijiet mill-mobile,” qal is-Sur Farrugia. “L-ispeċjalisti tal-electronic banking tagħna dejjem qed ifittxu modi ġodda biex jirfinaw dan il-prodott biex jissodisfaw aħjar it-talbiet tal-klijenti, u iktar ma jkun għoli l-użu, aktar nistgħu niġbru informazzjoni biex nipprovdu soluzzjonijiet ibbażati fuq il-bżonnijiet tal-klijenti.”

Għal aktar informazzjoni rigward il-BOV Mobile Banking tista’ żżur https://www.bov.com/content/bov-mobile-banking.

Ekonomija

Sport