F’sitt xhur minn kemm ilha li nfetħet il-helpline 138, daħalu aktar minn 17-il elf telefonata b’medja ta’ 94 telefonata kuljum.
Dan intqal fi stqarrija li ħarġet l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Permezz ta’ dan is-servizz ċentralizzat li kompla jgħaqqad liċ-ċittadini flimkien mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u dik għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), tgħid l-istqarrija.
Il-Kap tal-Operazzjonijiet ta’ Servizz.gov is-Sur Andre Arciola tkellem dwar l-impenn li l-aġenti li jirċievu t-telefonati jkomplu jitħarrġu u dan ibbażat fuq il-preokkupazzjonijiet tan-nies. Fl-istess waqt żdiedu l-istess aġenti u b’hekk żdiedet l-effiċjenza fejn ċifri juru li r-rispons naqas għal ftit sekondi biss ta’ stennija biex dak li jkun jiġi mitkellem.
Tkellem ukoll Raymond Attard, klijent li sab l-għajnuna li kellu bżonn grazzi għal dan il-helpline f’sitwazzjoni hekk imsejħa minnu “ta’ paniku”. Raymond f’kumment jispjega kif maġenbu kienu għaddejjin xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, u f’ġurnata minnhom minħabba riħ qawwi waqgħu xi knaten għal ġol-bitħa tiegħu, għaffġulu puġġaman magħmul minn materjal b’saħħtu, u kif ukoll l-mutur tal-airconditioner li kellu fl-istess bitħa.
“Kont naf bil-138 mill-kampanja ta’ riklamar. L-aġenti ddiriġewni tajjeb ħafna, ngħatajt assistenza professjonali ta’ perit mingħajr ħlas li żar il-post u ggwidani dwar kif għandi nikkomunika mal-kuntrattur tant li diġà sibna kompromess biex jagħmlilna t-tiswijiet neċessarji”, żied jgħid il-klijent.
Klijent ieħor li għamel użu mill-helpline f’każ relatat mal-OHSA, Neville Delmar spjega li l-kumpanija farmaċewtika li jaħdem magħha kkuntatjaw l-Awtorità fuq il-138 biex jiksbu aktar informazzjoni dwar aġġornament ta’ avviżi legali, pereżempju fejn jidħlu dawk li huma confined spaces b’servizz effikaċi telefonata biss bogħod.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard faħħar l-impenn tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol u Servizz.gov.