Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, żar il-Malta Skills Championships 2026 li qed isiru fl-MCAST, f’Raħal Ġdid, fejn aktar minn 320 kompetitur qed juru l-ħiliet u l-għarfien tagħhom f’diversi oqsma vokazzjonali u tekniċi.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru segwa mill-qrib diversi kompetizzjonijiet u ltaqa’ mal-istudenti, l-letturi u l-esperti involuti fl-organizzazzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom.

Il-Malta Skills Championships, li jistgħu jiġu deskritti bħala l-Olimpjadi tal-Ħiliet fuq livell nazzjonali, huma organizzati mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, b’kollaborazzjoni mal-MCAST, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), id-Direttorat għall-Programmi STEM u VET, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji.

Il-kompetizzjonijiet saru fil-11 u t-12 ta’ Novembru fl-MCAST, filwaqt li se jkomplu fis-17 ta’ Novembru fl-ITS, bil-parteċipazzjoni ta’ 22 kompetitur ieħor. B’kollox, il-kampjonati jinkludu 24 dixxiplina differenti, fosthom ir-robotika, l-iżvilupp tas-software, l-installazzjonijiet elettriċi, il-mekatronika, l-iwweldjar, il-manutenzjoni tal-ajruplani, it-teknoloġija tal-karozzi, id-disinn grafiku, il-moda, it-tisjir u s-servizzi tal-lukandi.

F’dawn il-kompetizzjonijiet, il-parteċipanti jingħataw kompiti prattiċi li jridu jwettqu f’ħin stabbilit, filwaqt li jiġu evalwati minn esperti u ġudikanti abbażi ta’ kriterji u standards professjonali, fosthom il-preċiżjoni, il-kwalità tax-xogħol, is-sigurtà u l-kapaċità li jsolvu l-problemi.

Il-Ministru Byron Camilleri sostna li l-edukazzjoni vokazzjonali u teknika għandha rwol essenzjali fit-tħejjija taż-żgħażagħ għall-opportunitajiet tal-lum u ta’ għada, partikolarment f’suq tax-xogħol li qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel.

“Il-ħiliet vokazzjonali u tekniċi huma fundamentali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Illum qed naraw żgħażagħ li mhux biss għandhom l-għarfien, iżda kapaċi japplikawh fil-prattika, b’kreattività, preċiżjoni u professjonalità. Irridu nkomplu nwasslu l-messaġġ li l-edukazzjoni vokazzjonali mhijiex għażla sekondarja għal dik akkademika, iżda perkors ta’ valur li joffri opportunitajiet konkreti għal karriera u aktar speċjalizzazzjoni. Kull żagħżugħ u żagħżugħa għandu jkollhom l-opportunità jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, ikun xi jkun il-perkors edukattiv li jagħżlu,” qal il-Ministru Camilleri.

Huwa enfasizza wkoll l-importanza li l-istituzzjonijiet edukattivi u l-industrija jkomplu jaħdmu flimkien sabiex il-ħiliet li qed jiġu żviluppati jkunu konformi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li ż-żgħażagħ ikunu mħejjija għall-avvanzi teknoloġiċi, id-diġitalizzazzjoni u l-professjonijiet tal-futur.

Aspett importanti tal-Malta Skills Championships huwa t-tħejjija għall-EuroSkills 2027, li se jsiru f’Düsseldorf, fil-Ġermanja. Malta mistennija tipparteċipa f’erba’ dixxiplini: Web Development, Graphic Design Technology, Cooking u Hotel Reception.

Ir-rebbieħa f’dawn l-erba’ dixxiplini se jkollhom l-opportunità javvanzaw fil-proċess ta’ selezzjoni biex eventwalment jirrappreżentaw lil Malta fil-EuroSkills 2027, wara perjodu ta’ taħriġ u preparazzjoni intensiva. Għal dawn id-dixxiplini, il-kompetizzjonijiet qed isegwu standards simili għal dawk Ewropej, bl-involviment ukoll ta’ ġudikanti internazzjonali b’esperjenza fil-EuroSkills.

Eżempju tal-opportunitajiet li joffru dawn il-kompetizzjonijiet huwa Thomas Gatt, li fl-2010, meta kien student fl-MCAST, rebaħ kompetizzjoni nazzjonali tal-ħiliet u sussegwentement ipparteċipa fil-EuroSkills. Illum, huwa jokkupa l-kariga ta’ Deputat Direttur fl-MCAST.

“Meta kont student fl-MCAST, kelli l-opportunità nipparteċipa f’kompetizzjoni lokali li kont irbaħt, u li wasslitni biex nikkompeti wkoll fil-EuroSkills. Din l-esperjenza għallmitni ħafna aktar minn ħiliet tekniċi. Għenitni nitgħallem kif nimmaniġġja l-ħin, nikkomunika man-nies u niffaċċja diversi sfidi. Dawn huma ħiliet li servewni mhux biss fil-karriera, iżda wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. Illum, permezz tal-Malta Skills Championships, qed naraw studenti oħra jingħataw opportunitajiet simili biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Għalija huwa ta’ sodisfazzjon kbir li issa nista’ ngħaddi l-esperjenza u l-għarfien li ksibt lill-istudenti tagħna,” qal Gatt.

Min-naħa tagħha, Jodie Sammut, studenta fit-tieni sena tal-Baċellerat fid-Disinn tal-Moda fl-MCAST, tkellmet dwar l-esperjenza tagħha bħala parteċipanta fil-kompetizzjoni.

“Din kienet l-ewwel darba li pparteċipajt f’kompetizzjoni bħal din u kienet esperjenza sabiħa ħafna. Ingħatajna kompitu biex niddisinjaw u noħolqu libsa għal klijenta fi żmien jumejn. Kienet opportunità biex inpoġġi fil-prattika dak li tgħallimt matul l-istudji tiegħi, filwaqt li naħdem fi żmien limitat. Ħadt gost ħafna b’din l-esperjenza u żgur li nerġa’ nipparteċipa jekk ikolli l-opportunità,” qalet Sammut.

Lil hinn mill-kompetizzjoni, il-Malta Skills Championships qed jagħtu wkoll opportunità lill-istudenti tal-iskejjel, lill-ġenituri u lill-pubbliku biex jaraw mill-qrib il-ħiliet u t-teknoloġiji marbuta ma’ diversi professjonijiet, u jiskopru l-opportunitajiet edukattivi u ta’ karriera li dawn joffru.

L-ambizzjoni hija li dawn il-kampjonati jkomplu jiżviluppaw bħala appuntament regolari fil-kalendarju nazzjonali, bl-edizzjoni li jmiss ippjanata għall-2028, sabiex ikomplu jippromwovu l-eċċellenza, it-talent u r-rikonoxximent tal-ħiliet vokazzjonali u tekniċi f’Malta.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport