Kien 48 sena ilu meta kienet għaddiet liġi dwar l-użu tal-kliem ‘Malta’ jew ‘Nazzjon’. Rapporti li xxandru dak inhar kellhom it-titlu ta’ “Jitfaċċaw ismijiet strambi”.
Ir-rapport kien qal li “mil-lum bdiet isseħħ il-liġi li tipprojbixxi l-użu tal-kelma ‘Malta’ jew “Nazzjon’ fl-ismijiet ta’ ġurnali, kitba oħra, ta’ kumpaniji u ta’ għaqdiet. L-aktar isem ġdid stramb li deher b’riżultat ta’ din il-liġi kien dak tal-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista li sal-bieraħ kien magħruf bħala ‘In-Nazzjon Tagħna’. Illum ħareġ bl-isem ‘In-…..(spazju vojt b’disinn tal-mappa ta’ Malta) Tagħna. Imma l-istamperija inbidlilha isimha minn Stamperija Nazzjonali għal Stamperija Indipendenza. Isem stramb ieħor kien ta’ dik li kienet il-Malta Football Association, li bidet tissejjaħ ‘Main Football Association’ biex b’hekk żammew l-inizjali MFA. L-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta li bl-Ingliż kienet iġġib l-inizjali MAM bdiet tissejjaħ “MAM – Assocjazzjoni Medika”.
