Is-suq tax-xogħol ikompli jikber
Il-Bank Ċentrali jgħid li mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (LFS) joħroġ li fit-tieni kwart tas-sena 2026, il-forza tax-xogħol kibret b’13,356-il persuna, jew b’4.0 fil-mija fuq bażi annwali, wara żieda ta’ 3.4 fil-mija fil-kwart ta’ qabel. Ir-rata tal-attività kienet ta’ 82.8 fil-mija fil-kwart taħt reviżjoni, minn 82.0 fil-mija irreġistrata sena qabel, u dan jirrifletti rata tal-attività ogħla fost l-irġiel. Ir-rati tal-attività kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa qabżu r-rati korrispondenti għaż-żona tal-ewro, bid-differenza tkun akbar fil-każ tal-irġiel.
L-impjiegi jiżdiedu b’ritmu aktar mgħaġġel
Il-Bank Ċentrali jgħid li l-impjiegi żdiedu b’3.4 fil-mija fuq bażi annwali, wara żieda ta’ 3.3 fil-mija fit-tlett xhur ta’ qabel. Iż-żieda f’termini assoluti kienet xprunata minn impjiegi fultajm ogħla fis-setturi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-attivitajiet tas-servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ, u l-attivitajiet relatati mal-proprjetà immobbli. In-numru ta’ persuni f’impjiegi partajm – li jinkludi wkoll lil dawk impjegati fultajm iżda b’sigħat imnaqqsa – żdied bi ftit.
Fit-tieni kwart tas-sena 2026, ir-rata tal-impjiegi żdiedet għal 80.1 fil-mija, jiġifieri 0.4 punti perċentwali ogħla mir-rata rreġistrata matul l-istess perjodu tas-sena 2025. Dan jirrifletti rata tal-impjieg ogħla kemm fost in-nisa kif ukoll fost l-irġiel.
Matul it-tieni kwart ta’ din is-sena, il-medja tas-sigħat effettivi maħduma fil-ġimgħa, żdiedet bi ftit għal 35.3 siegħa, minn 35.1 siegħa sena qabel.
Il-prezzijiet tal-proprjetà residenzjali komplew jiżdiedu b’ritmu qawwi
Ir-rapport jgħid li l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Proprjetà Residenzjali (RPPI) tal-NSO – li huwa bbażat fuq tranżazzjonijiet reali li jinvolvu appartamenti, maisonettes u djar – kompla jiżdied b’ritmu qawwi. Ir-rata ta’ bidla annwali baqgħet fil-biċċa l-kbira tagħha l-istess, fil-livell ta’ 6.9 fil-mija fit-tieni kwart tas-sena 2026, minn 6.8 fil-mija fil-kwart ta’ qabel. Sadanittant, fiż-żona tal-ewro, il-prezzijiet żdiedu b’rata annwali medja ta’ 4.0 fil-mija. Il-prezzijiet tal-proprjetà residenzjali f’Malta għadhom qed jiġu sostnuti minn diversi fatturi. Settur turistiku dinamiku u l-flussi ta’ ħaddiema migranti għadhom qed isostnu d-domanda għall-akkomodazzjoni u, konsegwentement, għall-proprjetà. Diversi skemi tal-gvern immirati lejn persuni li jkunu qed jixtru proprjetà għall-ewwel darba kkontribwew ukoll biex isostnu d-domanda.
Il-prezzijiet tal-kirjiet reklamati jiżdiedu b’ritmu aktar mgħaġġel
Ir-rapport jgħid li “r-rata ta’ bidla annwali fil-kirjiet reklamati, li l-Bank jiġbor minn sorsi fuq l-internet, żdiedet b’ritmu aktar mgħaġġel fit-tieni kwart tas-sena 2026. L-istimi miksubin permezz ta’ diversi metodi jindikaw li l-kirjiet żdiedu b’rati annwali li jvarjaw bejn 7.1 fil-mija u 7.6 fil-mija fit-tieni kwart ta’ din is-sena.
Il-prezzijiet tal-kirjiet juru xejra volatili. Fl-aħħar kwarti, il-prezzijiet tal-kirjiet kienu qed jiżdiedu b’ritmu aktar kajman meta mqabbel mar-rati ta’ tkabbir b’żewġ ċifri osservati matul il-biċċa l-kbira tal-perjodu bejn is-sena 2022 u s-sena 2024. It-tkabbir qed joqrob lejn il-medja osservata mis-sena 2018 ’lhawn, li tvarja bejn 5.0 fil-mija u 6.3 fil-mija.
Il-kumpens għal kull impjegat żdied b’3.8 fil-mija fit-tieni kwart
Fir-rapport intqal li l-indiċi tal-ispejjeż tax-xogħol għal kull unità ta’ produzzjoni ta’ Malta – imkejjel fuq il-bażi ta’ medja mobbli ta’ erba’ kwarti u f’termini ta’ għadd ta’ impjegati – żdied b’rata annwali ta’ 2.8 fil-mija. Dan wara żieda ta’ 3.4 fil-mija fil-kwart ta’ qabel. Din kienet l-inqas żieda annwali mill-ewwel kwart tal-2024. It-tnaqqis fit-tkabbir tal-ULC jirrifletti tkabbir aktar kajman fil-kumpens għal kull impjegat u tkabbir aktar mgħaġġel fil-produttività għal kull persuna. Din tal-aħħar żdiedet b’1 fil-mija, minn 0.7 fil-mija fl-ewwel kwart. Sadanittant, il-kumpens għal kull impjegat żdied b’3.8 fil-mija fit-tieni kwart, wara żieda ta’ 4.2 fil-mija fil-kwart ta’ qabel. Meta mkejjel fuq il-bażi ta’ medja mobbli ta’ erba’ kwarti, l-akbar tkabbir fil-kumpens għal kull impjegat ġie rreġistrat fis-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Tkabbir sinifikanti fil-pagi ġie rreġistrat ukoll fis-settur tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut. B’mod ġenerali, il-kumpens għal kull impjegat fil-biċċa l-kbira tas-setturi kiber b’rata simili għal dik tal-kwart ta’ qabel. Sadanittant, il-kumpens għal kull impjegat fis-settur tal-attivitajiet artistiċi, tad-divertiment u rikreattivi kompla jonqos.”
Is-self lir-residenti jikber b’rata aktar mgħaġġla
Ir-rapport jgħid ukoll li “r-rata annwali ta’ tkabbir ta’ self lir-residenti Maltin żdiedet għal 8.4 fil-mija f’Ġunju, minn 7.8 fil-mija tliet xhur qabel. Dan kien dovut għal tkabbir aktar mgħaġġel fis-self lir-residenti barra l-gvern ġenerali. Is-self lill-gvern kiber b’1.3 fil-mija fuq bażi annwali f’Ġunju, wara żieda ta’ 1.6 fil-mija f’Marzu, minħabba tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir fl-investimenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MFIs) fil-kambjali tat-Teżor.
It-tkabbir annwali tal-kreditu lir-residenti barra l-gvern ġenerali żdied għal 10.8 fil-mija f’Ġunju, minn 9.9 fil-mija tliet xhur qabel. Dan irrifletta prinċipalment żieda aktar mgħaġġla fis-self lis-settur privat.
It-tkabbir annwali fis-self lill-familji żdied għal 9.9 fil-mija, minn 9.7 fil-mija f’Ġunju. Dan kien xprunat minn tkabbir aktar mgħaġġel kemm fis-self għad-djar kif ukoll f’self għall-konsum u self ieħor.
Sadanittant, is-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji kiber b’rata annwali ta’ 14.4 fil-mija, wara żieda ta’ 13.7 fil-mija fis-sena sa Marzu.
Ir-rata medja fuq id-depożiti pendenti tal-familji u tal-NFCs naqset b’sitt punti bażi matul is-sena sa Ġunju, għal 0.27 fil-mija. Dan kien prinċipalment dovut għal rati aktar baxxi fuq depożiti b’maturità miftiehma sa sentejn. Fl-istess waqt, ir-rata medja fuq is-self pendenti baqgħet mhux mibdula, fil-livell ta’ 3.31 fil-mija.
