Thursday, May 9, 2024

Aktar minn €43 miljun allokati għas-settur tal-akkomodazzjoni b’enfasi fuq l-affordabbiltà

Aqra wkoll

Matul is-sena 2023, is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli se jkun qed jara investiment ta’ aktar minn €43 miljun li se jissarrfu fit-tisħiħ ta’ skemi eżistenti u miżuri ġodda sabiex aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba. Il-Budget 2023 huwa xhieda tal-ħidma tal-gvern biex jagħmel is-suq tal-proprjetà aktar affordabbli.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ta rendikont tal-miżuri ġodda li se jkunu qegħdin jidħlu fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023. Il-ministru tenna li dan il-budget huwa wieħed soċjali għax qiegħed jerfa’ ’l fuq lil min jiflaħ l-inqas u jaħseb f’dawk il-familji bi sfidi soċjali u dawk li għandhom dħul baxx. Madankollu saħaq li l-budget ma jieqafx hemm u jagħti wkoll għodda importanti lil min bi ftit spinta jista’ jimraħ.

Għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ 10 snin lill-first-time buyers

Se tkun qed titwettaq wegħda elettorali prinċipali hekk kif b’effett mis-sena d-dieħla, dawk il-persuni kollha li se jkunu xtraw proprjetà għall-ewwel darba mill-1 ta’ Jannar 2022, u li l-valur massimu ma jkunx jaqbeż in-nofs miljun ewro, se jingħataw għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ għaxar snin. Din l-għotja se twessa’ l-bibien għal aktar żgħażagħ biex jaċċessaw is-suq tal-proprjetà u se ttaffi mill-piż li jġorru dawn il-familji żgħażagħ fl-ewwel snin tal-ħlas tas-self tagħhom lill-banek.

Skema tad-Depożitu tal-10%

Fil-budget 2023 issaħħet l-iskema tal-ħlas tad-depożitu ta’ 10% mal-konvenju. Il-Ministru Galdes spjega li mill-introduzzjoni ta’ din l-iskema, lura fl-2020, sa issa diġà rajna aktar minn 200 individwu u koppja żagħżugħa li wasslu għall-kuntratt ta’ proprjetà b’ħafna oħrajn jinsabu fl-istadju ta’ konvenju. Kien għalhekk li l-gvern ħass li kellu jsaħħaħ din l-iskema biex jgħin aktar persuni jieħdu dan il-pass kruċjali f’ħajjithom. Issa, il-valur massimu tal-proprjetà li tista’ tiġi akkwistata se jitla’ minn €175,000 għal €225,000, li jfisser li l-Awtorità tad-Djar se tkopri d-depożitu massimu ta’ €22,500.

Jissaħħaħ il-Benefiċċju tal-Kera

Il-gvern qed jagħti prijorità l-affordabbiltà mhux biss fix-xiri tal-proprjetà imma wkoll f’dak tal-kera residenzjali. Fil-fatt, f’dan il-budget tħabbar ukoll li l-Benefiċċju tal-Kera (Housing Benefit Scheme)  li ġie introdott fl-2019 għal min jikri mill-privat se jkun qed jissaħħaħ, fejn issa l-benchmarks se jitilgħu għal €500 fix-xahar għal appartament one-bedroom, €600 fix-xahar għal appartament two-bedroom u €700 għal appartament three-bedroom. B’hekk kull benefiċjarju se jkun qed jara żieda sostanzjali fil-benefiċċju li jirċievi ta’ kull xahar. Din iż-żieda se tkun qed tassigura li minn jirċievi dan il-benefiċċju mhux biss ikampa wara li jkun ħallas il-kera dovuta iżda wkoll jgħix ħajja diċenti u jgawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar.

Jitneħħew mit-test tal-mezzi kull tip ta’ benefiċċju li persuni b’diżabilità jirċievu

Il-Ministru Galdes spjega li wara li sema’ diversi stakeholders fis-settur tad-diżabilità u persuni nnifishom li għandhom xi tip ta’ diżabilità, ħass li l-gvern kellu jintervjeni biex min għandu xi tip ta’ diżabilità ma jiġix eskluż minn għajnuna li l-istat joffri fis-settur tal-akkomodazzjoni, minħabba benefiċċji li dawn il-persuni jirċievu minħabba d-diżabilità tagħhom. Għalhekk, minn dan il-budget, l-Awtorità tad-Djar se tkun qed telimina mit-test tal-mezzi kull tip ta’ benefiċċju relatat mad-diżabilità għall-iskemi kollha li l-awtorità tħaddem. Deċiżjoni li tixhed il-valuri ta’ dan il-gvern fejn qegħdin.

It-tisħiħ tal-budget fil-qasam tal-akkomodazzjoni jfisser li kwalunkwe programm ieħor imħaddem diġà mill-Awtorità tad-Djar inkluż fuq affordabbiltà bħalma huma l-iskemi tas-self soċjali u l-Equity Sharing Plus, ir-riġenerazzjoni u t-tisbiħ tal-blokok tal-akkomodazzjoni soċjali, l-adattamenti fid-djar privati, u l-investiment li jsir fl-implimentazzjoni ta’ riformi importanti bħalma kienet dik tal-kirjiet kontrollati, se jibqgħu fis-seħħ.

Il-Ministru Galdes ikkonkluda billi qal li minkejja l-kriżi globali li bħalissa ninsabu għaddejjin minnha, il-gvern xorta waħda ħass li għal darb’oħra għandu jerġa’ jinvesti fin-nies sabiex jaċċerta li kulħadd ikollu ċ-ċertezza u l-istabbiltà fil-ħajja tiegħu.

Sport