Saturday, December 21, 2024

Aktar minn 80% tal-miżuri elettorali relatati ma’ Għawdex implimentati

Aqra wkoll

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli fost l-oħrajn, mill-implimentazzjoni tal-manifest elettorali, Carmelo Abela, u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, ħabbru li aktar minn 80% tal-miżuri elettorali relatati ma’ Għawdex ġew implimentati.

Il-Ministru Carmelo Abela, f’konferenza fil-gżira Għawdxija, qal li dan il-gvern, fil-manifest elettorali tiegħu, għandu 48 miżura li tqassmu ma’ tmien ministeri differenti, inkluż mal-Ministeru għal Għawdex. S’issa, 27 miżura ġew implimentati b’mod sħiħ, filwaqt li 13-il miżura oħra qegħdin fl-aħħar fażi tagħhom. Qal li dan ifisser li r-rata ta’ twettiq hija ta’ ftit aktar minn 81%.

Fir-rigward tal-ħidma bla waqfien li l-gvern wettaq f’Għawdex, il-Ministru Abela semma wħud mill-miżuri relatati ma’ Għawdex. Fost il-miżuri li ġew implimentati, semma l-benefiċċji li qed jieħdu l- ħaddiema, l-istudenti u ċittadini oħra Għawdxin, b’mod partikolari li qed jaqsmu l-fliegu permezz tal-fast ferry.

Irrefera wkoll għat-tisħiħ fil-konnettività diġitali permezz tat-tieni fibre-optic link, fl-investiment fl-isptarijiet Għawdxin u fil-kura tas-saħħa, kif ukoll għall-wegħda prinċipali tal-gvern biex jinħolqu iktar opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Barra minn dan, Għawdex se jibbenefika minn aktar fondi li ġejjin mill-UE matul is-seba’ snin li ġejjin.

Ikkonkluda li dan il-gvern kommess li jwettaq dak li wiegħed u li ser ikompli jaħdem bis-sħiħ biex il-miżuri mwiegħda jiġu implimentati. Żied li, “Minkejja l-miżuri mmirati għal Għawdex, il-poplu Għawdxi gawda wkoll minn numru ta’ miżuri li kienu ta’ benefiċċju għall-poplu Malti; kemm fil-manifest elettorali nnifsu, kif ukoll mill-Baġit li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu”.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li aktar minn 80% tal-miżuri elettorali relatati ma’ Għawdex twettqu kompletament. Fost il-miżuri elenka t-titjib fil-konnettività bis-servizz tal-fast ferry, il-proġetti infrastrutturali u l-bini mill-ġdid tat-toroq, aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin permezz ta’ skemi implimentati fosthom it-teleworking scheme, kampanji nazzjonali ta’ reklamar għal Għawdex u t-twaqqif tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex.

Qal li, “Dawn huma biss ftit mill-miżuri li wettaqna bħala Ministeru għal Għawdex u għalkemm qbiżna t-80%, kommessi li nkomplu naħdmu bla waqfien biex inkomplu nwettqu. Fuq kollox, il-viżjoni tal-gvern għal Għawdex hija ċara; li jkompli jkun mutur ta’ tkabbir tal-ġid nazzjonali u titjib fil-kwalità tal-ħajja  tagħhom”.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-programm vast ta’ proġetti infrastrutturali kif ukoll l-investimenti li qed isiru, se jservu biex l-ekonomija Għawdxija tkun aktar reżiljenti, aktar dinamika u tirpilja aktar malajr mill-effetti tal-pandemija mondjali biex tkompli toħloq opportunitajiet ġodda.

Ekonomija

Sport