Wednesday, January 1, 2025

Aktar minn 8,000 siġra ġdida fl-2024

Aqra wkoll

Is-sena 2024 rat sensiela ta’ proġetti ambjentali li wasslu għat-tħawwil ta’ eluf ta’ siġar madwar Malta.

Aktar minn 8,000 siġra tħawlu bħala parti minn diversi proġetti u inizjattivi kkoordinati mill-entitajiet taħt il-gwida tal-Ministeru għall-Ambjent. Ma’ dawn tħawlu wkoll aktar minn 25,000 arbuxell minn diversi entitajiet tal-gvern.

Project Green, Ambjent Malta, l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u GreenServ intensifikaw ix-xogħol tagħhom sabiex jingħataw iktar spazji miftuħa għan-nies u jitħawlu siġar indiġeni li jappoġġaw il-bijodiversità lokali. B’hekk, l-entitajiet kollha komplew jaħdmu għal għan wieħed; li titjieb il-kwalità ta’ ħajja għall-familji filwaqt li jissaħħaħ l-ambjent naturali.

“Illum meta nħawlu siġra ġdida, qed ninvestu fil-futur tal-komunitajiet tagħna b’mod konkret. Qed nagħtu spazju għal arja aktar nadifa u ambjent aktar san. Aktar spazji ħodor ifissru kwalità ta’ ħajja u pajjiż isbaħ u aktar attraenti. L-isforz kollettiv ta’ eluf ta’ siġar ġodda jagħmlu differenza għal pajjiżna u għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Sadanittant, mas-60,000 metru kwadru ta’ spazji ħodor infetħu permezz ta’ ħidma minn dan il-ministeru biss, fosthom proġetti ewlenin bħal Ġnien Spencer fil-Marsa, Wied Inċita f’Ħ’Attard u l-Ġnien fuq il-Glażiż fil-Birgu.

Dan ix-xogħol jixhed l-impenn kontinwu tal-gvern biex jipproteġi l-ambjent u l-bijodiversità tal-pajjiż.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport