Is-27 edizzjoni tal-Express Trailers Żurrieq Half Marathon u 10km se ssir nhar il-Ħadd 15 ta’ Novembru, u għal dawn it-tlielaq, diġà rreġistraw aktar minn 800 atleta. Din iċ-ċifra tirrappreżenta żieda fuq is-767 reġistrazzjoni fl-2025, li eventwalment attirat aktar minn 1,300 parteċipant.
Id-deċiżjoni li ħadet Express Trailers tliet snin ilu li tikkonferma mill-ġdid l-isponsorship tagħha għaż-Żurrieq Half Marathon u t-tiġrijiet ta’ 10km bl-impenn li dan l-avveniment ikompli jikber, uriet li kienet deċiżjoni tajba.
Meta Express Trailers bdiet tinvolvi ruħha għall-ewwel darba f’dan l-avveniment organizzat minn Żurrieq Wolves Athletic Club fl-2013, it-tiġrija kienet tattira madwar 130 atleta. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-parteċipazzjoni kibret b’mod sinifikanti, u laħqet aktar minn 1,000 applikazzjoni fl-2015–2016 u aktar minn 1,500 reġistrazzjoni fl-2018. Fl-2019 ħadu sehem madwar 1,300 atleta, u b’hekk it-tiġrijiet taż-Żurrieq saru fost l-aktar avvenimenti popolari fil-kalendarju ta’ tlielaq tal-ġiri fit-toroq f’Malta.
Għalkemm il-pandemija tal-Covid-19 interrompiet l-avveniment fl-2020 u fl-2021, minn dak iż-żmien ’l hawn il-parteċipazzjoni rkuprat b’mod qawwi. Is-sena l-oħra ħadu sehem aktar minn 1,300 atleta fiż-żewġ avvenimenti flimkien, filwaqt li n-numru ta’ reġistrazzjonijiet għall-edizzjoni ta’ din is-sena diġà qabeż iċ-ċifra rreġistrata fl-istess perjodu fl-2025.
Għal Etienne Attard, il-Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailers, dawn iċ-ċifri huma notevoli u juru l-importanza li avvenimenti sportivi bħal dawn jibqgħu isibu appoġġ mis-settur privat.
“Hekk kif din it-tiġrija qed tkompli tattira interess dejjem akbar, nagħrfu li sponsorships korporattivi bħal tagħna għandhom rwol kruċjali biex jiżguraw it-tkabbir sostenibbli ta’ avvenimenti bħal dawn,” qal is-Sur Attard. “L-appoġġ tagħna, għal darb’oħra se jgħin biex jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ organizzazzjoni u ta’ protokolli tas-sigurtà, sabiex l-atleti kollha jkollhom esperjenza memorabbli f’ambjent sigur.”
L-involviment ta’ Express Trailers imur lil hinn mill-appoġġ finanzjarju. Il-kumpanija tipprovdi wkoll appoġġ loġistiku, inkluż vetturi bħall-karozza li tmexxi t-tiġrija, kif ukoll assistenza oħra fit-trasport meħtieġa għall-organizzazzjoni u t-tħejjija tal-avveniment.
B’hekk, is-sħubija li bdiet fl-2013 żviluppat f’impenn fit-tul lejn avveniment li minn tiġrija lokali relattivament żgħira kibret biex sarer waħda mill-avvenimenti l-aktar stabbiliti tal-ġiri fit-toroq f’Malta.
“L-appoġġ ta’ Express Trailers kien fundamentali għall-klabb u għal dan l-avveniment annwali,” qal Joe Micallef f’isem Malta Marathon, l-organizzaturi tal-avveniment.
“Bir-reġistrazzjonijiet diġà ogħla minn dik li kellna s-sena l-oħra, l-edizzjoni tal-2026 mistennija tagħti indikazzjoni ċara oħra tal-popolarità dejjem tikber ta’ l-Express Trailers Żurrieq Half Marathon and 10K,” żied is-Sur Micallef.
Aktar informazzjoni dwar iż-Żurrieq Half Marathon, il-ġirja ta’ 10km, il-mixja ta’ 10km u t-tiġrija ta’ 1.5km għat-tfal tinsab fuq is-sit elettroniku ta’ Malta Marathon: www.maltamarathon.com




