MALTA ……………….. 3
KAZAKHSTAN ……… 1
Wara d-draw drammatiku kontra r-Rumanija fl-aħħar logħba mill-Kwalifiki tal- Kampjonat Ewropew tan- Nisa ta’ Taħt id-19-il sena, Malta għalqet b’rebħa impressjonanti ta’ 3-1 kontra Kazakhstan fis-Centenary Stadium.
Kienu Kazakhstan li ħadu l-vantaġġ fis-sitt minuta meta Angelina Oster sabet spazju barra l-kaxxa l-kbira u sparat xutt b’nofs volley li spiċċa fix-xibka.
Malta ppruvat tirrispondi billi tibni l-logħba bil-kalma mid-difiża u terġa’ torganizza ruħha wara l-iżvantaġġ bikri.
Fl-14-il minuta, Malta resqet viċin li tikseb id-draw meta corner ġie mdawwar għal ġol-kaxxa tal-Kazakhstan, Nina-Lee Naudi laqtet il-ballun l-ewwel, iżda t-tentattiv tagħha spiċċa ftit għoli.
Ftit minuti wara, Kay Axiak għaddiet il-ballun lil Lisa Calleja f’tarf il-kaxxa, u din fajret xutt b’saħħtu bix-xellug, iżda l-ballun mar barra.
Malta kisbet id-draw mistħoqq fl-40 minuta meta Olivia Nazarko tefgħet corner fil-fond tal-kaxxa u sabet lil Amy Catania, li tefgħet il-ballun fix-xibka b’daqqa ta’ ras preċiża.
Fit-tieni taqsima, Malta ħarġet fuq l-attakk biex tkompli fuq il-momentum tal-ewwel taqsima tant li sekondi biss wara li daru, Catania – li issa kienet qed tilgħab aktar avvanzata – daħlet fil-kaxxa mix-xellug, iżda x-xutt tagħha ġie mblukkat mill-goalkeeper Sabina Ussen.
Malta marret fil-vantaġġ fit-52 minuta meta Axiak għaddiet il-ballun lil Crista Chetcuti Ganado fuq ix-xellug li qarrqet bil-goalkeeper u tefgħet il-ballun fix-xibka biex għamlet l-iskor 2-1.
Ftit tal-ħin wara, il-Każaki kellhom opportunità tad- deheb biex jiksbu d-draw meta Oster approfittat minn indeċiżjoni fid-difiża Maltija, iżda Maya Muscat wettqet save mill-aqwa biex żammet il-vantaġġ ta’ Malta.
Chetcuti Ganado reġgħet sabet ix-xibka fit-58 minuta, din id-darba b’xutt bil-lemin mill-faxxa xellugija, il-ballun ħabat mal-lasta u daħal fix-xibka, u b’hekk għamlet l-iskor 3-1 u tat lil Malta ftit aktar serħan il-moħħ.
Malta kompliet tikkontrolla l-andament tal-logħba, billi żammet lill-Kazakhstan sat-tielet parti tal-ground tad-difiża tagħhom, u b’hekk assigurat ir-rebħa.
B’hekk, Malta temmet il-kampanja tagħha fi Grupp B6 fit-tielet post b’erba’ punti, bl-istess ammont ta’ punti bħar-Rumanija. Ir-Repubblika Ċeka rebħet il-grupp, filwaqt li l-Kazakhstan spiċċaw fir-raba’ post.
Kazakhstan: 1 Sabina Ussen (12 Stella Baburchina-Luklyanets, 61), 4 Aiya Muttari, 5 Ramina Omarova, 7 Zhaniya Makhash (18 Aidana Baizhanova), 9 Angelina Oster (8 Yelizaveta Medvedeva, 61), 10 Aru Yermagambetova, Capt, 11 Aminat Bigozhina, 14 Varvara Tsoy, 15 Ayaulym Baisseit (6 Ayaulym Talgat, 67), 16 Shaknoza Kholbayeva, 20 Shakhzoda Kholbayeva (2 Tomiris Maxim, 46) – Coach: Xeniya Postovaya.
Malta: 1 Maya Muscat, 2 Amy Catania, 5 Krista Sacco (18 Edeson Grixti, 46), 6 Madison Grace Cachia, 7 Lisa Calleja (13 Gloria Cassar, 55), 9 Crista Chetcuti Ganado, 10 Kay Axiak (19 Somaya Muscat, 90), 11 Thais Muscat, 14 Nina-Lee Naudi, Capt, 15 Alanah Ghio, 20 Olivia Nazarko (17 Yasmine Ghenam, 90) – Coach: Melania Bajada.
Referee: Melek Dakan (Turkija).
Skorers: Amy Catania 40, Crista Chetcuti Ganado 52, 58 (MLT); 6’ Angelina Oster 6 (Kaz).
Ammoniti: Shakhzoda Kholbayeva, Aidana Baizhanova (K)




