L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Carmelo Abela sab li stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista ma kinitx korretta fil-parti li rrapportat il-ħidma tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra. Dan hekk kif waqt il-laqgħa tal-Kumitat tat-28 ta’ Settembru 2026 ma kienet saret l-ebda referenza għall-Omnibus Bill, li sa issa jidher li għadu ma ġiex ippreżentat mill-Oppożizzjoni.
L-Ispeaker Abela kien qed jagħti ruling dwar stqarrija maħruġa mill-PN wara ilment li tqajjem mill-Whip tal-Gvern Naomi Cachia li kienet talbet direzzjoni tas-Sedja wara li qalet li din l-istqarrija ma kienet tirrifletti bl-ebda mod ta’ verament kien ġara fil-laqgħa u tiżgwida lill-pubbliku.
Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker għamel referenza għall-imsemmija laqgħa tal-Kumitat fejn fiha ġie diskuss il-pjan ta’ ħidma tal-Parlament għall-ġimgħat li kien imiss.
Ġie nnotat kif fil-lista ta’ xogħol pendenti li tqassmet lil membri fil-laqgħa kien hemm tliet mozzjonijiet imressqa mill-Oppożizzjoni li kienu għadhom pendenti. Iżda l-Omnibus Billi li saret referenza għalih fl-istqarrija tal-PN ma kienx jidher max-xogħol pendenti quddiem il-Kamra fil-ħin li ltaqa’ l-kumitat u lanqas ma ġie ppreżentat sal-ħin li qed jingħata dan ir-ruling. Għaldaqstant, tenna l-Ispeaker, l-interpretazzjoni tal-fatti kif spjegati fl-istqarrija kienu bbażati fuq premessi mhux korretti.
“Filwaqt li s-Sedja tifhem u tapprezza s-sejħa tal-Oppożizzjoni sabiex il-Membri Privati jkollhom aktar opportunitajiet biex iressqu l-proposti tagħhom quddiem il-Kamra u jipparteċipaw b’mod sħiħ fid-dibattitu parlamentari, is-Sedja bl-istess mod tagħti importanza kbira lill-ħtieġa li l-ħidma tal-Kamra u d-diskussjonijiet li jsiru fiha jiġu rrappurtati b’mod fidil, ġust u bilanċjat mill-mezzi kollha tal-komunikazzjoni.
“F’dan il-każ partikolari qed nitkellmu fuq stqarrija maħruġa minn organu ta’ Partit li għandu Grupp Parlamentari fil-Parlament. Is-Sedja tħoss li r-responsabbiltà hija akbar u filwaqt li l-interpretazzjoni politika hija ħielsa, ir-rappurtaġġ tal-fatti mhuwiex suġġett ta’ interpretazzjoni,” qal l-Ispeaker.
Fid-dawl ta’ dan is-Sedja inkarigat lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex tgħaddi kopja ta’ dan ir-ruling lill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista sabiex isiru l-korrezzjonijiet neċessarji għall-istqarrija tat-28 ta’ Settembru 2026.

