Sunday, December 22, 2024

AKTAR SIGURTÀ… AKTAR SERĦAN IL-MOĦĦ

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar snin rajna l-Korp tal-Pulizija jespandi, jevolvi u jissaħħaħ. Tant huwa hekk li s-sena l-oħra r-rata tar-reati kriminali f’Malta naqset b’5.4%. Din hija l-inqas rata li kellna f’aktar minn 15-il sena. Dan kien irriżulta minn rapport li sar mill-kriminologu, il-Professur Saviour Formosa li minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni, ġie kkonfermat li pajjiżna huwa wieħed sigur.

Kellna wkoll tnaqqis fir-reati ta’ vjolenza inkluża dik bi ħsara fiżika, tnaqqis fil-każijiet ta’ serq u tnaqqis ieħor fir-reati relatati mal-ħruq. Matul din is-sena l-Korp tal-Pulizija kompla jġib riżultati importanti b’mod speċjali kontra l-kriminalità organizzata. Suċċess ta’ min jirrikonoxxih. Xiehda ta’ aktar sigurtà u għaldaqstant, aktar serħan il-moħħ.

Ninnotaw però, li meta jasal baġit tisma’ ħafna jitkellmu u jiddibattu dwar kemm se tingħata żieda fil-paga mentri min-naħa l-oħra jkun hemm tqanqil jekk humiex se jiġu introdotti xi taxxi ġodda. Kemm ilu Gvern Laburista, ebda taxxa ma ġiet introdotta. Iżda, ix-xogħol kbir li jitwettaq mill-miżuri li jitħabbru f’baġit, imur ferm oltre minn dawk li jmissulna l-but.

Dan għax hemm affarijiet u setturi oħra importanti għaċ-ċittadini u għall-pajjiż fosthom is-settur tas-sigurtà. Sigurtà li, sakemm nisimgħu b’xi każ xokkanti, qisha tittieħed bħal mogħtija meta, fil-verittà, m’għandux ikun hekk. Is-sigurtà hija bżonnjuża imma mhiex garantita. Wieħed irid jifhem li hemm ħafna xogħol warajha. Mingħajrha ta’ xejn ikollna l-flus fil-but għax malajr tkun miexi fit-triq u jeħduhomlok! Agħar minnhekk, waqt is-serqa, jistgħu jweġġgħuk…

Pilastru fis-settur tas-sigurtà huwa l-Korp tal-Pulizija. Pilastru importanti li “iservi u jipproteġi” liċ-ċittadini kemm fi djarhom, fit-toroq, online, kif ukoll fil-komunità b’mod ġenerali. Dan is-servizz iżomm l-ordni u warajh hemm Korp ta’ Pulizija ddedikat li jingħata taħriġ kontinwu u għodod biex jaħdem. Barra minnhekk, jittieħdu miżuri u jsir investiment sostanzjali mill-Gvern li mingħajrhom xogħol il-Pulizija fil-livell li qegħdin narawh illum, ma jkunx possibbli.

F’dawn l-aħħar snin il-Korp ra żieda fir-risorsi umani, ħolqien ta’ units ġodda u speċjalizzati inkluż dak tal-vjolenza domestika u tas-cybercrime, kif ukoll ġew introdotti servizzi fil-komunità bi preżenza dejjem tikber tal-Pulizija. Servizzi li qabel qatt ma rajna jew esperjenzajna bħalhom.

Dan kollu huwa parti minn strateġija mħaddna minn Gvern Laburista fil-ġlieda kontra l-kriminalità, kontra l-abbużi u kontra kull illegalità jew azzjoni li tista’ tkun ta’ detriment lejn iċ-ċittadini. Filwaqt li nirrikonoxxu s-suċċess u nħeġġu li nkomplu fid-direzzjoni li qbadna, nemmnu li għad hemm spazju għal titjib. Dan għax is-settur tas-sigurtà u allura awtomatikament tal-Pulizija, fih l-isfidi tiegħu. Avolja ferm inqas minn pajjiżi oħra, Malta mhiex eċċezzjoni għall-kriminalità u l-ksur tal-liġijiet.

Għandna każijiet ta’ omiċidji, ta’ femiċidji, ta’ inċidenti fatali, ta’ ġlied fit-toroq kemm minn kbar u minn żgħar, kif ukoll traffikar u abbuż mid-droga, tlajjar u ksur tal-paċi pubblika. Dawn u aktar qegħdin jiġu indirizzati u se jkomplu jissaħħu bil-miżuri mħabbra fil-baġit 2024. Fuq l-abjad u fuq l-iswed, qegħdin naraw Gvern kommess li jindirizza u jinvesti fis-settur tas-sigurtà ta’ pajjiżna.

Barra li l-preżenza tal-Pulizija fil-komunità se tinfirex mal-pajjiż kollu, fil-baġit tħabbar ukoll l-introduzzjoni ta’ żewġ servizzi ġodda. Servizzi li fil-fehma tagħna huma importanti u li se jservu ta’ ġid kbir. Dawn is-servizzi huma rondi (patrols) kontinwi f’żoni ta’ sfida bħalma huma Paceville u Bugibba, żoni li nafu kemm fihom hemm bżonn ta’ aktar kontroll u t-tieni, l-introduzzjoni tar-Roads Policing.

Dan tal-aħħar għandu jwassal għal aktar serħan il-moħħ fejn tidħol is-sigurtà fit-toroq iżda mhux biss. L-iskwadra mistennija tassisti anke fil-kontroll tat-traffiku f’każijiet ta’ inċidenti stradali bil-għan li t-toroq ikunu jistgħu jerġgħu jinfetħu mingħajr dewmien. Il-bżonn ta’ tali assistenza kienet ilha tinħass u tajjeb li se tibda tingħata.

L-iskwadra tar-Roads Policing mistennija tibda topera kif isiru l-emendi legali meħtieġa. Hawn nittamaw li dan il-proċess ma jdumx biex ikun iffinalizzat ħalli żgur tiżdied s-sigurtà fit-toroq u titjieb il-vijabilità. Dan għax nemmnu li s-sigurtà u s-servizz għaċ-ċittadini huma ta’ prijorità. Prijorità li wkoll hija ċara għall-Gvern preżenti bil-miżuri li ħabbar f’dan l-aħħar baġit.

Ekonomija

Sport