Saturday, May 4, 2024

AKTAR SINJALI TA’ RKUPRU FIT-TURIŻMU

Aqra wkoll

Settur ewlieni f’pajjiżna li qed jirpilja b’ritmu mgħaġġel mill-effetti tal-pandemija huwa dak tat-turiżmu. Dan jixhduh mhux biss in-numri imma wkoll esperti ewlenin f’dan il-qasam li qegħdin ibassru aktar sinjali ta’ rkupru fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. 

Dan l-irkupru però ma jiġix waħdu. Wara dan hemm il-ħidma sfiqa ta’ diversi entitajiet li jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw lil pajjiżna bl-aħjar mod barra minn xtutna. Fuq quddiem nett, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li permezz ta’ kampanji ta’ reklamar li tagħmel minn żmien għal żmien, tiffoka fuq il-fatt li Malta hi destinazzjoni mhux biss għall-istaġun tas-sajf iżda għas-sena kollha. 

Dan filwaqt li tkompli turi l-karatteristiċi partikolari u uniċi li joffru l-gżejjer Maltin u anke timmira lejn il-promozzjoni ta’ pajjiżna f’diversi swieq ġodda u l-iżvilupp ta’ niċeċ ġodda fit-turiżmu. 

L-MTA kienet ukoll katalista fid-diskussjonijiet biex f’pajjiżna jerġa’ jsir l-avveniment mużikali Isle of MTV. Dan l-avveniment, bis-sehem ta’ diversi artisti internazzjonali, se jsir proprju llum fuq il-Fosos tal-Floriana u mistenni wkoll jattira eluf ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha.

Ta’ min wieħed jirrimarka kif fl-edizzjonijiet li għaddew, l-Isle of MTV ixxandar f’xejn inqas minn 180 pajjiż u kien segwit minn miljuni fuq it-televiżjoni u l-midja soċjali. Għalhekk, ninsabu konvinti li dan l-ispettaklu, li se jara wkoll s-sehem ta’ artisti Maltin, se jkun ta’ vetrina ta’ dak li joffri pajjiżna mil-lat turistiku.

Lil hinn mill-avvenimenti, wieħed ma jistax ma jinnotax b’sodisfazzjon statistika riċenti li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li tkompli tikkonferma l-irkupru fis-settur tat-turiżmu. Minn din l-istatistika ħareġ li Mejju 2022 kien l-aqwa xahar għat-turiżmu f’dawn l-aħħar sentejn, mill-bidu tal-pandemija lil hawn. 

Fil-fatt irriżulta li f’Mejju li għadda, ġew f’pajjiżna xejn inqas minn 226,987 turist. Meta wieħed iqabbel Mejju max-xahar ta’ qablu, it-turisti f’pajjiżna żdiedu bi kważi 20,000. 

Kollox jindika li n-numri għax-xhur li ġejjin se jkunu wkoll pożittivi u b’dawn ir-riżultati f’moħħna, ninsabu ottimisti li s-sena 2022 se tkun waħda tajba ferm għat-turiżmu.

Sport