Thursday, April 18, 2024

AKTAR SPAZJI ĦODOR GĦAL KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR

Aqra wkoll

Wegħdi importanti fil-manifest elettorali li wassal għar-rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, bdew jittrasformaw ruħhom fil-prattika u diversi minnhom diġà twettqu. 

Minkejja li l-elezzjoni ilha biss tmien xhur li għaddiet u t-twettiq tal-manifest huwa mifrux fuq ħames snin, wieħed jinnota li issa t-twettiq tal-miżura li jmiss se tkun dik dwar l-ambjent li f’din il-leġiżlatura qed jingħata prijorità assoluta. 

Fil-fatt, dawn il-jiem tħabbar li se titwaqqaf aġenzija li se tkun afdata bl-akbar proġett ambjentali li se jiswa €700 miljun f’seba’ snin sabiex il-poplu jgawdi aktar serenità fil-lokalità tiegħu. Dan se jsir permezz ta’ spazji miftuħa fil-qalba tal-lokalitajiet.

Il-Ministru responsabbli mill-ambjent Miriam Dalli, qalet illi dan se jsir b’kollaborazjoni ma’ entitajiet oħra biex tassigura l-implimentazzjoni u l-effettività ta’ dawn l-inizjattivi. Dan fl-isfond li fiż-żmien qarib se tinħoloq aġenzija, ‘Project Green’, li se tkun responsabbli mit-tfassil ta’ dawn l-ispazji miftuħa.

F’dan il-kuntest, il-pubbliku għandu wkoll jagħti sehmu biex dawn l-ispazji jibqgħu jitgawdew ukoll mill-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk nemmnu li l-pubbliku għandu jkun responsabbli biżżejjed għaż-żamma tagħhom kif jixraq u b’hekk jiġu eliminati l-abbużi li jistgħu jsiru li jagħmlu dannu lill-ambjent. 

Wara kollox parti mill-fondi għat-twettiq ta’ dawn il-proġetti ġejjin minn flus il-poplu. Għalhekk il-poplu għandu jkun hu li jibża’ għal dak li huwa tiegħu. Nittamaw illi dawn l-ispazji jkunu ħodor biżżejjed biex tittaffa’ d-dehra ta’ Malta bħala pajjiż nieqes mis-siġar u l-ġonna.

Minn hawn ukoll infaħħru l-mod konvinċenti tal-Gvern li wassal lill-Kummissjoni Ewropea tapprova l-fondi lil Malta li parti sostanzjali minnhom se jkunu dedikati għall-ambjent u għat-tħaris tiegħu. Inħarsu ‘l quddiem għat-twettiq ta’ dawn il-proġetti li l-għan tagħhom huwa li flimkien mat-tħaddir taż-żoni urbani, il-lokalitajiet jingħataw dehra isbaħ u joffru trankwillità għall-kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar. 

Ekonomija

Sport