Monday, May 13, 2024

AKTAR TITJIB FIL-KURA TAD-DIJABETE

Aqra wkoll

Madwar id-dinja kollha llum se jkun imfakkar il-jum iddedikat għad-dijabete, bit-tema magħżula għal din is-sena tittratta l-aċċess għall-kura ta’ din il-kundizzjoni. It-tema tenfasizza fuq l-importanza li jkun hemm iżjed aċċess għall-informazzjoni u anke għall-kura essenzjali sabiex jiġi żgurat trattament f’waqtu. 

Ta’ min wieħed għalhekk jieqaf u jirrifletti dwar x’qed isir ukoll f’pajjiżna fejn tidħol din il-kundizzjoni. Huwa stmat li f’Malta hawn ftit aktar minn 10% tal-popolazzjoni li għandhom din il-kundizzjoni, li taffettwa l-mod kif il-ġisem tagħna juża z-zokkor li ġej mill-ikel u jidħol fid-demm.

Għalkemm id-dijabete tal-ewwel tip ma jistax ikun ipprevenut, id-dijabete tat-tieni tip jista’ jkun ipprevenut effettivament jekk persuna tieħu ħsieb saħħitha f’dak li tiekol u tagħmel. 

Mhux darba jew tnejn li minn dawn il-kolonni tkellimna fuq il-benefiċċju li wieħed jagħmel xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku filwaqt li jagħmel dieta bilaċjata jew jiekol ikel li huwa sustanzjuż għas-saħħa. Bla dubju nemmnu li l-eżerċizzju fiżiku huwa importanti ferm għal ħajja sana u jista’ jgħin biex jipprevjeni milli l-bniedem jiżviluppa ċertu kundizzjonijiet mediċi. 

Intant, għandna għax nifhmu li l-pjan tal-Gvern li jestendi l-eliġibilità għall-Continuous Glucose Monitors (CGM), bla ħlas, b’mod gradwali qed iħalli r-riżultati mixtieqa. Fil-fatt, dan is-servizz ta’ CGM ġie estiż għal darba oħra sabiex issa jilħaq ukoll lill-persuni taħt is-36 sena. 

Dan is-servizz li beda minn proġett pilota sentejn ilu fost it-tfal dijabetiċi, mhux talli offra serħan il-moħħ lill-pazjenti u lill-ġenituri, iżda qiegħed inaqqas il-probabilità li dawn il-pazjenti jsofru minn kumplikazzjonijiet assoċjati mad-dijabete huma u jikbru. Nemmnu li l-Gvern se jibqa’ impenjat sabiex fix-xhur li ġejjin ikompli jestendi dan is-servizz u b’hekk jintlaħqu aktar nies. 

Ma nistgħux għalhekk ma nirrikonoxxux li f’dawn l-aħħar snin sar ħafna titjib f’dak li għandu x’jaqsam mal-kura tad-dijabete billi fost oħrajn iddaħħlu wkoll mediċini ġodda u anke żdiedu s-servizzi fil-komunità. 

Konvinti li l-Gvern, bħalma qed iżid il-vot fuq is-saħħa, hekk ukoll nemmnu li parti sostanzjali minn dan il-vot se jmur għall-kura ta’ kundizzjonijiet speċifiċi bħalma hi d-dijabete.

Sport