F’dawn l-aħħar jiem pajjiżna kiseb żewġ ċertifikati pożittivi li komplew ikabbru r-reputazzjoni ta’ Malta fix-xena internazzjonali. Dan permezz ta’ kif aħna organizzajna s-summit Ministerjali kbir tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa. Issa wkoll kellna riżultati tajbin fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.
Mill-2016 lil hawn, żdied il-kontribut tal-irġiel fir-responsabbilitajiet u x-xogħol tad-dar, għaldaqstant id-differenza bejn is-sessi f’attivitajiet bħal dawn naqset b’mod sinifikanti. Dawn ir-riżultati ġew irrapurtati mill-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri ta’ din is-sena li jkejjel il-progress madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea f’sitt oqsma bħal ma huma x-xogħol, il-flus, l-għarfien, il-ħin, il-poter u s-saħħa.
Malta rreġistrat l-ogħla żieda fil-punteġġi fl-EU b’żieda ta’ 2.3 punti fuq l-Indiċi preċedenti u b’hekk telgħet pożizzjoni ’l fuq u ġiet ikklassifikata fit-13-il post, fost il-pajjiżi tal-EU b’punteġġ ta’ iktar minn 70 minn 100. L-ogħla klassifika għal Malta kienet fil-qasam tax-xogħol, fejn pajjiżna kiseb 81 punt.
Dawn kollha juru l-progress li għamlet Malta biex jitnaqqas id-distakk li kien hemm fis-snin qabel, fejn tidħol l-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan ifisser ukoll illi aktar nisa qed jieħdu karrieri li qabel kienu sinonomi biss mal-irġiel. Għalkemm m’aħniex kuntenti għal kollox, b’danakollu illum qed naraw aktar nisa jieħdu pożizzjonijiet maniġerjali f’diversi oqsma tan-negozju.
Għalkemm nemmnu li għad fadal ferm iktar xi jsir biex Malta tkompli ttejjeb il-pożizzjoni tagħha fl-Indiċi Ewropew dwar l-Ugwaljanza, b’danakollu nħarsu lejn dawn l-izviluppi pożittivi bħala l-bidu tat-triq għal iktar titjib f’dan il-qasam.
Ma nistgħux ma naprezzawx dak li qalet is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttiggieg, illi dan it-titjib fl-Indiċi kejjel avvanzi oħra li n-nisa Maltin għamlu fl-ugwaljanza. Dan juri li l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-ġeneru qed tħalli l-frott li kien mistenni u mixtieq.
Nemmnu wkoll li hemm azzjonijiet oħra li għandhom jittieħdu fuq livell nazzjonali ħalli Malta tkompli tagħmel progress u tkun mal-ewwel għaxar pajjiżi f’dan l-Indiċi fil-futur. Nemmnu wkoll li r-rieda qiegħda hemm biex dan il-prospett nilħquh bħala pajjiż.