Il-ġlied u s-swat bejn il-koppji, miżżewwġin u mhumiex, għadu problema serja f’pajjiżna. Tant huwa hekk li sikwit nisimgħu b’każi ta’ persuni li jitressqu quddiem il-Qorti akkużati li aggredew vjolentement u sawwtu lill-parti l-oħra tal-koppja. Kien hemm saħansitra anki każi fejn persuna vittma ta’ vjolenza domestika inqatlet mill-partner tagħha.
Il-vjolenza domestika għalhekk hija realtà assoluta iżda skomda. Hija realta li ma bdietx illum imma ilha sseħħ il-mijiet ta’ snin. Illum, nisimgħu b’iktar każi ta’ vjolenza domestika għaliex iktar vittmi qed jersqu ’l quddiem – jirrappurtaw il-każ tagħhom u fl-istesswaqt li jitolbu l-għajnuna.
Dan ukoll billi f’dawn l-aħħar snin tjiebu l-faċilitajiet u nbnew oħrajn ġodda bilgħan li l-vittmi ta’ vjolenza domestika jingħataw kull appoġġ u għajnuna fis-sitwazzjoni li jkunu għaddejjin minnha.
Għalhekk hija ħtieġa ta’ importanza kbira li l-awtoritajiet kompetenti jkomplu jindirizzaw din il-pjaga soċjali li aktar iva milli le theżżeż in-nukleu tal-familja u tħalli trawmi kbar fost l-ulied fejn ikun il-każ.
Dan l-aħħar, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar laqgħet b’sodisfazzjon ir-rapport tal-ewwel evalwazzjoni tematika bit-titlu, Building Trust by Delivering Support, Protection and Justice magħmul mill-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO) tal-Kunsill tal-Ewropa li jikkonferma l-impenn biex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni, l-appoġġ u l-ġustizzja għall-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Dan ir-rapport jinnota b’sodisfazzjon il-progress li għamel pajjiżna dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika kif elenkati fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
GREVIO irrikonoxxa partikularment ir-riformi leġislattivi u istituzzjonali sinifikanti li saru, kif ukoll l-adozzjoni konsekuttiva u l-implimentazzjoni tat-tliet Strateġiji Nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika li huma allinjati mal-erba’ pilastri tal-Konvenzjoni.
B’mod partikolari, GREVIO faħħar l-investiment finanzjarju li sar fis-settur, it-tisħiħ tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, u l-koordinament bejn l-entitajiet permezz tal-Kumitat Interministerjali u l-introduzzjoni tal-Multi Agency Risk Assessment Meeting (MARAM).
L-istabbiliment ta’ hubs speċjalizzati dwar vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ġie deskritt bħala żvilupp partikolarment sinifikanti għaliex qawwa l-fiduċja ta’ bosta vittmi fl-istituzzjonijiet u għen biex jiżdied ir-rapportar tal-vjolenza domestika.
F’dan il-kuntest, inkomplu nisħqu fuq il-fatt li l-ħidma tal-Gvern għandha tkompli tiffoka fuq it-tisħiħ tas-servizzi ta assistenza li diġa jeżistu lill-vittmi u fuq il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet biex persuni li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ vjolenza fuqhom ikunu jistgħu jiksbu l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġa.
Fl-istess waqt, intennu li s-soċjetà wkoll għandha rwol x’taqdi. Mhuwiex biżżejjed li nistennew li l-vittma titkellem. Jeħtieġ li jkun hemm aktar għarfien fost il-komunità biex persuni qrib il-vittma jkunu jistgħu jagħrfu sinjali ta’ abbuż u jinkoraġġixxu lil min ikun għaddej minn sitwazzjoni diffiċli biex ifittex l-għajnuna.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika teħtieġ impenn fit-tul u kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet, il-professjonisti, l-organizzazzjonijiet volontarji u l-komunità. L-għan għandu jkun li kull persuna tkun taf li għandha d-dritt tgħix ħajja ħielsa mill-vjolenza u li, meta jkollha bżonn l-għajnuna, ma tkunx waħedha.




