“Nilqa’ dan l-unur b’sens qawwi ta’ responsabbiltà”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-eks Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ngħata l-Lifetime Achievement Award tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth (CPA). Huwa ngħata dan il-premju formalment il-Ħamis filgħaxija waqt id-69 Konferenza Parlamentari tal-Commonwealth li saret f’Cape Town, l-Afrika t’Isfel. 

Dr Farrugia, li serva bħala Speaker bejn l-2013 u l-2026, huwa l-ewwel parlamentari Malti li rċieva dan l-unur prestiġjuż, mogħti bħala rikonoxximent għall-karriera parlamentari distinta tiegħu u għall-kontribut fit-tul lejn id-demokrazija parlamentari, il-governanza tajba u s-servizz pubbliku. 

F’diskors tal-okkażjoni, Dr Farrugia qal li huwa kien qiegħed jilqa’ dan l-unur mhux biss b’sens ta’ gratitudni iżda wkoll b’sens qawwi ta’ responsabbiltà. 

Huwa stqarr li l-valuri li jħaddan il-Commonwealth ħeġġewh biex jaħdem u aktar u aktar matul is-snin, u biex jaħdem għall-bidla fejn jemmen li din hi meħtieġa kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. 

Dr Farrugia tenna jgħid li minkejja m’għadux jokkupa l-kariga ta’ Speaker, b’danakollu jħoss li għadu marbut bil-valuri li dejjem kien iggwidat bihom. 

“U jekk dan l-unur kellu jwassal messaġġ huwa dak li s-servizz pubbliku ma jispiċċaw meta tintemm kariga. Kull fejn il-verità trid tiġi mħarsa, l-inġustizzja kkonfrontata, il-paċi mfittxija u d-dinjità tal-bniedem protetta, hemm dejjem xogħol xi jsir. Din ir-responsabbiltà hi tagħna lkoll,” temm jgħid l-eks Speaker Anġlu Farrugia.

Tul il-Presidenza tiegħu, Dr Farrugia ta 288 ruling u ġew ippubblikati diversi xogħlijiet u pubblikazzjonijiet marbuta mal-ħidma parlamentari, il-governanza u d-diplomazija parlamentari.

Fi żmien il-Presidenza tiegħu, il-Parlament Malti kellu wkoll rwol importanti fit-twaqqif tal-Commonwealth Association of Public Accounts Committees (CAPAC) u ospita l-Coordinating Unit tagħha, b’Malta tagħti kontribut dirett lejn aktar accountability u sorveljanza parlamentari fi ħdan il-Commonwealth.

Fuq livell internazzjonali, Dr Farrugia kien l-ewwel Chairperson elett tas-CPA Small Branches, fejn ħadem biex jissaħħaħ ir-rwol u l-vuċi tal-ġurisdizzjonijiet iż-żgħar fi ħdan il-Commonwealth. 

Fi ħdan l-Inter-Parliamentary Union, ġie elett President tal-Committee to Promote Respect for International Humanitarian Law u reġa’ ġie elett unanimament għat-tieni mandat. Kien ukoll membru tat-Task Force tal-IPU dwar is-soluzzjoni paċifika tal-gwerra fl-Ukrajna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport