Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ qabel il-Budget 2027

Aqra wkoll

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li għaddejjin qabel il-Budget 2027.

Il-Prim Ministru nnota kif minkejja t-turbulenzi internazzjonali li d-dinja għaddejja minnhom, l-ekonomija Maltija baqgħet turi reżiljenza. L-aħħar tbassir tal-Kummissjoni Ewropea juri tkabbir reali ta’ 4% fl-2025, bi tkabbir imbassar ta’ 3.7% din is-sena u 3.6% fl-2027. Dan filwaqt li l-qgħad huwa mistenni jibqa’ madwar it-3%, filwaqt li s-settur tas-servizzi jibqa’ kontributur importanti għat-tkabbir ekonomiku.

Hawn, Dr Abela saħaq li dan is-suċċess ekonomiku mhuwiex il-punt tal-wasla, iżda aħjar minn hekk huwa l-punt tat-tluq. Qal li l-isfida li għandna quddiemna hija dik li l-mudell ekonomiku tagħna jkompli jiżviluppa lejn tkabbir dejjem aktar sostenibbli, aktar produttività, aktar kwalità u aktar valur miżjud. Huwa semma li din hija d-direzzjoni xprunata fil-Viżjoni Malta 2050, kif ukoll tal-programm elettorali ta’ dan il-gvern.

F’dan il-kuntest, Dr Abela sostna li rridu nkomplu ninvestu fit-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija. Semma li Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li adottaw strateġija nazzjonali tal-AI fl-2019, u dik l-istrateġija issa qed tiġi aġġornata biex tirrifletti r-realtajiet teknoloġiċi ġodda u biex l-AI jintuża wkoll biex issaħħaħ il-kompetittività tas-settur privat, fost l-oħrajn.

Il-Prim Ministru tenna li  l-Gvern kommess li jkompli jintensifika l-ħidma tiegħu biex tingħata enfasi akbar fuq l-upskilling u r-reskilling.

Huwa semma wkoll kif f’kuntest internazzjonali fejn is-swieq tal-enerġija għadhom volatili, pajjiżna qed ikompli jagħti serħan il-moħħ fuq prezzijiet tal-enerġija stabbli.

Dr Abela temm jgħid li permezz tad-djalogu bejn il-Gvern, in-negozji u s-sħab soċjali nistgħu nkomplu nibnu ekonomija aktar produttiva, innovattiva, diġitali u reżiljenti, ekonomija li toħloq aktar opportunitajiet u li tkun lesta mhux biss għall-isfidi tal-lum, iżda fuq kollox għall-opportunitajiet ta’ għada.

Waqt din il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ proposti li l-Kamra tal-Kummerċ ippreżentat lill-Gvern fid-dokument imsemmi ‘Reset and Lead’. Id-dokument jinqasam f’miżuri immedjati għall-2027 u oħrajn immirati għal matul il-leġiżlatura. Fl-istess waqt dan id-dokument jenfasizza l-importanza ta’ mudell ekonomiku li jipprijoritizza l-produttività, il-valur miżjud, l-innovazzjoni, l-effiċjenza u l-kwalità tal-ħajja.


Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Byron Camilleri, Miriam Dalli, Jo Etienne Abela, Chris Bonett u Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport