L-UNJONI EWROPEA MA TISTAX TISTENNA AKTAR

Aqra wkoll

Matul is-snin saret kritika lill-Unjoni Ewropea dwar id-dgħufija tagħha b’mod partikolari f’oqsma bħal dak tal-qasam internazzjonali. Rajna ukoll kritika lejn l-Unjoni Ewropea li kienet qiegħed titbiegħed bil-mod il-mod minn ċerti prinċipji li kienu jiddefinixxuha. Il-kritika ilha ssir. L-isfidi matul is-snin baqgħu jiżdiedu. Fl-aħħar snin u xhur, l-isfidi komplew jiżdiedu. 

Ix-xhur li ġejjin mhijiex xhur li fihom l-Unjoni Ewropea tista’ taffordja toqgħod tistenna. L-Unjoni  Ewropea qed tiffaċċja gwerer, pressjoni ekonomika, kompetizzjoni teknoloġika u sfidi kbar marbutin mal-enerġija u s-sigurtà. Il-mistoqsija mhix jekk l-Ewropa għandhiex problemi, iżda jekk għandhiex il-kuraġġ u l-għaqda biex tindirizzahom.

Fl-Istat tal-Unjoni Ewropea tal-2026, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen enfasizzat il-ħtieġa għal Ewropa aktar b’saħħitha u aktar indipendenti. Iżda diskorsi sbieħ waħedhom ma jbiddlu xejn. Iċ-ċittadini għandhom id-dritt jistaqsu: meta se naraw ir-riżultati?

Bla dubju ta’ xejn li l-Unjoni Ewropa trid issaħħaħ l-ekonomija tagħha u tibqa’ kompetittiva f’dinja fejn potenzi oħra qed javvanzaw b’pass mgħaġġel. Ma jistax ikun li l-Ewropa tkun dipendenti fuq oħrajn għal teknoloġiji, enerġija jew materja prima strateġika. Jekk trid tkun verament indipendenti, trid tinvesti aktar fl-innovazzjoni, fl-industrija u fil-ħiliet taż-żgħażagħ tagħha.

Fejn tidħol is-sigurtà, l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ titkellem biss dwar solidarjetà. Il-gwerra fl-Ukrajna wriet kemm il-kontinent Ewropew huwa vulnerabbli għal kriżijiet qrib il-fruntieri tiegħu. L-Ewropa trid tkun kapaċi tiddefendi l-interessi tagħha u, fl-istess ħin, tkompli tirrispetta l-liġi internazzjonali u d-drittijiet fundamentali.

Lil hinn minn dan imma hemm problema oħra li ma tistax tiġi injorata: iċ-ċittadin komuni jrid jara differenza f’ħajtu. Jekk l-Ewropa titkellem dwar prosperità iżda l-familji jibqgħu jiffaċċjaw spejjeż għoljin, jekk titkellem dwar opportunitajiet iżda ż-żgħażagħ isibuha diffiċli jsibu xogħol u akkomodazzjoni affordabbli, allura hemm distakk bejn il-politika u r-realtà.

Għalhekk, ix-xhur li ġejjin għandhom ikun xhur ta’ azzjoni u mhux biss ta’ wegħdiet. L-Unjoni Ewropea għandha tieħu deċiżjonijiet konkreti. Timplimentahom u tkun responsabbli għar-riżultati tagħhom. L-Ewropa ma għandhiex bżonn aktar kliem vojt. Għandha bżonn tmexxija, għaqda u azzjoni.

Il-futur ta’ l-istess Unjoni Ewropea jiddependi minn kemm l-Istati Membri jkunu lesti jaħdmu flimkien u minn kemm l-istituzzjonijiet Ewropej jirnexxilhom iġibu r-riżultati qrib iċ-ċittadini. Ix-xhur li ġejjin għandhom ikun xhur li fihom l-Ewropa turi li mhux biss taf tidentifika l-problemi, iżda taf ukoll issolvihom ukoll.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport