Monday, March 24, 2025

Bħala atleti, għandna responsabbiltà li nippromwovu u nippopolarizzaw l-isport fil-komunitajiet tagħna – Stefania Cristina

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

L-imħabba tiegħi għall-atletika żviluppat maż-żmien, speċjalment meta kont nilgħab handball għal xi snin. Matul dak iż-żmien, kont niġri prinċipalment biex intejjeb l-istamina tiegħi waqt il-logħba. Maż-żmien, bdejt ninduna li kont nistenna bil-ħerqa t-taħriġ tal-ġiri matul il-pre-season tal-handball aktar mill-logħba nnifisha. Dan wassalni biex nibda nitħarreġ ma’ Raptorz Athletics, taħt il-gwida ta’ Darren Vandit.

X’suċċessi ksibt fl-atletika sa issa?

L-akbar kisbiet tiegħi huma personali, peressli jinkludu riżultati personali li għalihom ġejt partikolarment sfidata, kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament. F’dan is-sens, uħud mit-tiġrijiet memorabbli għalija huma l-5Ks organizzati minn Caritas fit-2023 u Run Gozo fit-2024, fejn spiċċajt it-tieni u t-tielet mara rispettivament, minkejja li m’humiex rotot faċli.

Int inġinier b’passjoni għall-isport. Kif tara li l-inġinerija tista’ tgħin biex ittejjeb il-prestazzjoni atletika?

L-inġinerija u l-isport jistgħu jidhru bħala żewġ dinjiet differenti, imma jikkumplimentaw lil xulxin b’mod mill-isbaħ. L-applikazzjoni tal-prinċipji tal-inġinerija — bħal disinn innovattiv, problem-solving u ottimizzazzjoni — fl-isports tista’ tipprovdi għarfien siewi li jgħin lill-atleti jitħarrġu b’mod aktar intelliġenti u jtejbu t-teknika tagħhom.

Il-wearables, pereżempju, huma tip wieħed ta’ teknoloġija li saru komuni fost l-atleti, peress li l-inġinerija li fihom tipprovdi għarfien dwar il-prestazzjoni, il-progress u l-ottimizzazzjoni tat-taħriġ. Barra minn hekk, l-inġinerija għandha rwol ewlieni f’ħafna aspetti oħra tal-atletika, bħat-tessuti u l-carbon-plated running shoes li jużaw l-atleti llum, biex insemmu żewġ teknoloġiji oħra.

Spjegalna iktar fuq kif qed tikkombina l-imħabba tiegħek lejn l-atletika mal-inġinerija.

Permezz ta’ tim interdixxiplinarju ta’ inġiniera, fiżjoterapisti, tobba, data scientists u software developers — liema tim huwa mmexxi minn Dr Malcolm Borg — qegħdin niżviluppaw fitness app innovattiva bl-isem ta UN1Q li hi maħsuba biex tirrivoluzzjona l-industrija tal-fitness.

Din l-app se tippermetti kemm lill-atleti avvanzati kif ukoll dawk fil-bidu biex jimmonitorjaw u jtejbu l-forma u l-mobilità tagħhom, bħallikieku qed jiġu sorveljati minn personal trainer fid-dar. Bħala inġiniera, aħna responsabbli mill-iżvilupp ta’ computer vision algorithms li jippermettu l-analiżi tad-data li fuqha tibbaza l-app.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Lokalment, il-livell tal-prestazzjoni atletika qed jitjieb, u sabiħ li naraw l-atleti lokali jsiru saħansitra aktar kompetittivi fuq livell globali. Dan huwa speċjalment sinifikanti meta, min-naħa l-oħra, wieħed jikkunsidra l-isfidi konsiderevoli li l-pajjiż tagħna jaffaċċja rigward nutrizzjoni ħażina u obeżità.

Fid-dawl ta’ dak li tkellimna fuqu f’din l-intervista, kif qed tħares lejn il-futur tal-atletika, u x’messaġġ tgħaddi lil atleti oħra?

Il-futur tal-atletika mill-aspett uman huwa eċċitanti, u ninsab ħerqana biex nara aktar rekords jiġu miksura kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali, li kontinwament jimbuttaw il-limiti ta’ dak li kien jitqies possibbli.

Il-pass li bih qed tevolvi t-teknoloġija huwa wkoll eċitanti, u hawn ukoll ninsab ħerqana li nkompli nikkontribwixxi lejn dan il-progress flimkien mal-kollegi tiegħi.

Bħala atleti, għandna responsabbiltà li nippromwovu u nippopolarizzaw l-isport fil-komunitajiet tagħna. B’hekk, mhux biss intejbu l-prestazzjoni kompetittiva lokali billi niskopru talenti ġodda, iżda wkoll naqsmu l-benefiċċji tas-saħħa li l-istil ta’ ħajja attiva ġġib magħha u ngawdu dawn il-benefiċċji lkoll kemm aħna fuq livell soċjali!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport