Liverpool ħadu daqqa ta’ ħarta kbira fl-aspirazzjonijiet tagħhom li jibqgħu fil-quċċata tal-klassifika u jkomplu jisfidaw għar-rebħ tal-Premier League Ingliż wara li sar magħruf li l-goalkeeper internazzjonali Brażiljan, Alisson Becker, se jduma barra mill-azzjoni għal madwar erba’ ġimgħa wara li sofra injury fil-hamstring fir-rebħa ta’ 1-0 għand Crystal Palace, nhar is-Sibt li għadda.
Għaxar minuti mit-tmiem, huwa għamel sinjal lill- bankina ta’ Liverpool biex jinbidel meta ħass uġieġħ kbir fil-muskolu tal-koxxa u meta ħareġ barra mill-ground ta indikazzjoni tal-gravitá ta’ din l-injury billi sabbat l-ingwanti mal-art.
Huwa ġie sostitwit mit-tieni goalkeeper ta’ riserva, iċ-Ċek Vitezslav Jaros, minħabba li Caoimhin Kelleher ma kienx fl-iskwadra konsegwena ta’ influwenza.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ wara l-partita, il-manager ta’ Liverpool, Arne Slot, wera t-tħassib tiegħu dwar l-injury tal-goalkeeper ta’ 32 sena hekk kif wara l-waqfa internazzjonali r-Reds għandhom programm ta’ 10 partita mill-aktar difiċli – Chelsea (h), Leipzig (a), Arsenal (a), Brighton (a), Brighton (h), Leverkusen (h), Aston Villa (h), Southampton (a), Real Madrid (h) u Man City (a).