Il-Gvern Franċiż fetaħ proċeduri dixxiplinari kontra l-ambaxxatur tiegħu fir-Repubblika tal-Afrika Ċntrali minħabba allegazzjonijiet ta’ mġiba ħażina, wara rapporti li daħħal għexieren ta’ nisa fir-residenza uffiċjali tiegħu, fatt li qajjem tħassib serju dwar is-sigurtà.
Din l-investigazzjoni qed issir fi żmien meta Franza qed tipprova ttejjeb ir-relazzjonijiet tagħha mar-Repubblika tal-Afrika Ċntrali wara d-deterjorament qawwi tagħhom f’dawn l-aħħar snin, fost l-influwenza dejjem tikber tar-Russja f’dan l-eks territorju kolonjali Franċiż.
Il-gazzetta Franċiża ta’ kull ġimgħa “Le Canard enchaîné” irrapportat li l-ambaxxatur, Bruno Foucher ta’ 65 sena, daħħal madwar 30 mara ta’ bejn l-20 u t-30 sena fir-residenza tiegħu bejn Jannar 2024 u Marzu 2026, b’uħud minnhom jibqgħu hemm anki matul il-lejl.
Skont dak rappurtat mill-gażżetta, l-ambaxxatur Foucher ammetta li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ żewġ nisa żgħażagħ.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza stqarr li fuq inizjattiva tal-ministeru, twettqet investigazzjoni amministrattiva f’Bangui fl-2026. Malli waslu r-riżultati ta’ dan il-proċess, u fuq talba tal-ministru, inbdew proċeduri dixxiplinarji kontra l-ambaxxatur. Dawn il-proċeduri għadhom għaddejjin.
L-ambaxxatur Foucher huwa diplomatiku ta’ karriera li ilu jservi bħala ambaxxatur fir-Repubblika Ċntru-Afrikana mill-2023. Huwa serva wkoll bħala ambaxxatur fil-Libanu mill-2017 sal-2020, fl-Iran mill-2011 sal-2016, u fiċ-Chad bejn l-2006 u l-2011.
Skont “Le Canard enchaîné”, li sostna li kiseb ir-rapport tal-ispezzjoni, l-ambaxxatur kien ikollu madwar 15-il żjara fix-xahar.
Huwa allegatament ta wkoll struzzjonijiet lill-istaff biex iħallu lil waħda min-nisa żgħażagħ tibqa’ fir-residenza waqt l-assenza tiegħu.
Ir-Russja għandha preżenza qawwija fir-Repubblika Ċntru-Afrikana (CAR), primarjament permezz tal-grupp paramilitari Wagner, li għandu rwol ewlieni fl-għoti tas-sigurtà lill-president tal-pajjiż, Faustin-Archange Touadéra.
Uffiċjali Franċiżi akkużaw lir-Russi li qed irawmu sentiment kontra Franza f’għadd ta’ pajjiżi Afrikani.
Minkejja dan kollu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza, Jean-Noël Barrot, faħħar ir-“restawr sħiħ tar-relazzjonijiet” bejn Franza u r-Repubblika Ċntru-Afrikana meta żar Bangui f’Marzu li għadda.




