Monday, May 13, 2024

Ambjentalisti jivvandalizzaw il-bieb famuż ta’ Brandenburg f’Berlin

Aqra wkoll

Membri tal-grupp ambjentalista Ġermaniż li jsejjaħ lilu nnifsu bħala “L-Aħħar Ġenerazzjoni” ġew arrestati wara li vvandalizzaw, biż-żebgħa oranġjo u safra, il-monument ta’ Brandenburg – ikona fil-belt ta’ Berlin. Fil-fatt, 14-il persuna ġew arrestati bħala suspettati li wettqu l-att vandalu nhar il-Ħadd li għadda waqt protesta.

Aktar tard mal-ġurnata, il-Pulizija kellha tuża l-forza biex żammet lid-dimostranti milli jitilgħu fuq il-Bieb ta’ Brandenburg wara li ġie nnutat lift idroliku fil-qrib ta’ dan il-punt ta’ referenza fil-kapitali Ġermaniża.

L-ambjentalisti tal-Aħħar Ġenerazzjoni sejħu għal aktar protesti f’Berlin għal perjodu indefinit. Il-grupp stqarr li mhux se jwaqqaf il-protesti sakemm ma titteħidx azzjoni li twaqqaf l-użu tal-fjuwils fossili bħaż-żejt, il-gass naturali u l-faħam sa mhux aktar tard mill-2030.

Il-gvern Ġermaniż qed jimmira lejn is-sena 2045 għal ekonomija newtrali għall-klima iżda ma laħaqx il-miri tiegħu għall-protezzjoni tal-klima għal dawn l-aħħar sentejn.

Is-Sindku ta’ Berlin, Kai Wegner, filwaqt li sostna li l-belt hija favur il-libertà tal-espressjoni u d-dibattitu ġust, ikkundanna l-protesta tal-Ħadd u l-azzjonijiet tal-grupp ambjentalista u qal li dawn mhux biss għamlu ħsara lill-Bieb storiku ta’ Brandenburg, iżda wkoll lill-espressjoni ħielsa tal-poplu Ġermaniż dwar kwistjonijiet importanti ta’ żmienna u tal-futur.

L-Aħħar Ġnerazzjoni ilha tagħmel protesti madwar il-Ġermanja mir-rebbiegħa tal-2022 ‘il hawn. Il-kwartieri ġenerali tal-partiti politiċi ġew immirati wkoll bi tfigħ ta’ żebgħa, kif ukoll ħwienet lussużi u jet privat fl-ajruport tal-kapitali. Ambjentalisti fil-Ġermanja kienu anki nkullaw lilhom infushom mat-toroq u mat-tarmak tal-ajruport biex ifixklu t-traffiku tat-toroq u tal-ajru.

Din l-azzjoni tagħhom qanqlet aktar l-infurzar tal-liġi mill-Istati Federali tal-Ġermanja. L-inizjattiva ta’ protesta ġdida tal-grupp għal Berlin bdiet nhar l-Erbgħa li għadda b’marċ li involva diversi mijiet ta’ parteċipanti.

Sport