Wednesday, May 27, 2026

Andrea Agostinelli … mistenni jibni proġett kompetittiv u sostenibbli ma’ Mgarr United FC

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Mgarr United FC ħabbru l-ħatra tal-kowċ veteran Taljan Andrea Agostinelli bħala l-kowċ ewlieni l-ġdid tagħhom, mossa li tindika ambizzjoni ċara mill-klabb sabiex jikkonsolida ruħu fost l-aqwa timijiet tal-BOV Challenge League u jimmira għall-promozzjoni għall-Malta Premier.

Agostinelli, li għandu karriera twila kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ, jasal Malta b’Curriculum Vitae estensiv li jinkludi esperjenza fil-futbol Taljan, Albaniż, Afrikan u Żvizzeru. Huwa beda l-karriera tiegħu ta’ kowċ bħala assistent ma’ Cisco Lodigiani qabel ma mexxa numru ta’ klabbs fosthom Latina, Astrea, Mantova, Pistoiese, Ternana, Piacenza, Napoli u Crotone, fost oħrajn.

Bħala plejer, Agostinelli lagħab ma’ Lazio, Napoli, Atalanta u Genoa, fost oħrajn, u saħansitra kien ukoll parti mit-timijiet nazzjonali tal-etajiet żgħar tal-Italja. Din l-esperjenza vasta tagħtih profil ta’ kowċ li jaf kemm il-livell għoli tal-futbol kif ukoll il-ħidma fuq proġetti iżgħar iżda kompetittivi.

Wara esperjenza fil-futbol Taljan, Agostinelli kompla l-karriera tiegħu barra minn pajjiżu, inkluż perjodu ma’ FK Partizani Tirana u KF Skënderbeu fl-Albanija, fejn kiseb riżultati pożittivi u saħansitra wasal fit-tieni post fil-kampjonat Albaniż. Huwa ħadem ukoll fil-Kongo u aktar tard irritorna lejn l-Italja qabel ġie Malta għall-ewwel darba fl-2022 ma’ Gudja United.

Minkejja perjodu qasir ma’ Gudja, il-kowċ Taljan jgħid li baqa’ impressjonat bil-futbol Malti u ddeċieda li jirritorna għal sfida ġdida ma’ Mġarr United. Huwa saħaq li diġà kellu kuntatt mal-klabb tal-ħodor madwar sena u nofs ilu, kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja, u li l-proġett dejjem baqa’ jinteressah.

F’konferenza stampa f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, Agostinelli spjega li l-għażla tiegħu ma kinitx waħda każwali. Huwa qal li l-futbol għalih għadu mibni fuq passjoni kbira u li mingħajrha ma jistax isir xogħol ta’ dan it-tip.

Skontu, il-proġett ta’ Mġarr United hu wieħed li joffri sfida ġdida u opportunità biex jibni xi ħaġa kompetittiva. Huwa tenna li klabbs iżgħar jistgħu wkoll jilħqu miri kbar jekk ikun hemm xogħol, dixxiplina u ambizzjoni.

Agostinelli qal ukoll li r-ritorn tiegħu lejn Malta kienet deċiżjoni faċli li kellu jieħu minħabba l-esperjenza pożittiva li kellu qabel ma’ Gudja United, fejn jgħid li ħassu milqugħ u apprezzat.

Il-kowċ il-ġdid ta’ Mġarr United kien ċar fl-għanijiet tiegħu: li t-tim ikun fost l-aqwa tnejn jew tlieta fil-BOV Challenge League u jissielet għall-promozzjoni.

Huwa saħaq li l-prijorità ewlenija hi li jinbena grupp magħqud u mentalità rebbieħa, aktar milli jiddependu biss fuq talent individwali. Skontu, il-futbol modern jitlob dixxiplina u konsistenza f’kull partita.

Agostinelli żied jgħid li ma ġiex Malta għal esperjenza turistika jew temporanja, iżda għal sfida professjonali serja fejn irid jikkontribwixxi biex itejjeb il-livell tal-klabb.

Matul il-karriera tiegħu, Agostinelli mexxa numru ta’ klabbs storiċi inkluż Napoli, Ternana, Triestina u Salernitana. Huwa qal li din l-esperjenza għallmitu kif jittratta sitwazzjonijiet differenti, minn klabbs kbar bi pressjoni kbira sa oħrajn iżgħar li jkollhom jibnu mill-bidu.

Huwa enfasizza li l-metodu tiegħu jibqa’ dejjem l-istess: xogħol, intensità u rispett lejn il-logħba. Skontu, kull partita trid tiġi trattata bħallikieku hija finali.

Mġarr United ukoll saħħew l-istruttura teknika tagħhom b’numru ta’ ħatriet importanti. Anthony Gafa ġie maħtur team manager, filwaqt li Kurt Baldacchino u Duncan Micallef se jservu bħala assistenti kowċis. Eddie Bartolo se jkun il-kowċ tal-goalkeepers u Patrick Curmi se jokkupa r-rwol ta’ direttur tekniku

Il-klabb saħaq li dawn il-ħatriet huma parti minn strateġija biex jiżdied il-professjonaliżmu u l-istabbiltà ġewwa t-tim.

Il-president tal-klabb Manuel Zarb qal li l-istaġun li għadda kien wieħed ta’ tama iżda wkoll ta’ ftit diżappunt, hekk kif it-tim tilef post fit-Top 8 b’differenza minima. Huwa semma wkoll l-impatt ta’ injury lil plejer importanti li affettwa r-riżultati finali.

Zarb iżda esprima fiduċja li bil-wasla ta’ Agostinelli, il-klabb jista’ jagħmel il-pass li jmiss u jersaq lejn il-livell tal-Malta Premier.

Il-wasla ta’ Andrea Agostinelli mna’ Mġarr United timmarka bidu ta’ kapitlu ġdid għall-klabb Malti. B’CV internazzjonali, esperjenza vasta u filosofija ċara, il-kowċ Taljan jidher determinat li jibni proġett kompetittiv u sostenibbli.

Issa l-isfida vera tibda fil-grawnd fejn Mġarr United se jippruvaw jikkonvertu l-ambizzjoni tagħhom f’riżultati u possibilment f’promozzjoni storika għall-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.

Dan il-proġett ġdid mhux biss jimmira għar-riżultati immedjati, iżda wkoll għall-bini ta’ kultura sportiva soda ġewwa l-klabb ta’ Mġarr United. L-enfażi se tkun fuq żvilupp ta’ plejers, dixxiplina tattika u konsistenza matul l-istaġun kollu.

Agostinelli jemmen li s-suċċess jiġi bil-paċenzja u bil-ħidma kontinwa, u mhux b’soluzzjonijiet mgħaġġla. Il-klabb qed jittama li din il-viżjoni twassal għal progress reali kemm fuq livell sportiv kif ukoll organizzattiv.

Jekk il-proġett jibqa’ stabbli, Mġarr jistgħu jsiru wieħed mit-timijiet sorpriża tal-kampjonat u eventwalment jikkontestaw serjament għall-promozzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport