Saturday, December 21, 2024

Antonio Conte jagħmel apoloġija mal-partitarji ta’ Napoli

Aqra wkoll

Wara t-telfa umiljanti fl-ewwel ġurnata ta’ dan l-istaġun tas-Serie A fejn Napoli sfaw megħluba minn Verona bl-iskor ta’ 3-0, il-coach Antonio Conte refa’ r-responsabbiltá ta’ dan id-diżappunt kbir.

Iżda huwa qal li t-team tiegħu ‘dab bħall-borra fix-xemx’ għal din l-esperjenza qarsa fi Stadio Bentegodi li ġabet magħha kritika qawwija kontra Conte fejn saħansitra sezzjoni mill-partitarji diġá talbu għar-riżenja tiegħu. 

Conte għamel apoloġija mal-partitarji tal-Partenopei li vjaġġaw lejn Verona għal dik li sejjaħ wirja ‘inaċċettabbli’ fit-tieni taqsima.

Napoli daħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr goals iżda tilfu lill-winger Khvicha Kvaratskhelia ftit qabel l-intervall.

U proprju ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Verona fetħu l-iskor minn Dailon Livramento biex imbagħad doppjetta ta’ Daniel Mosquera kienet id-daqqa mortali għat-team immexxi minn Conte.

“Fl-ewwel taqsima, kien hemm team wieħed biss.Ma naħsibx li Verona ndi­rizzaw xutt wieħed lejn il-lasti tagħna.

“Madankollu fit-tieni  taq­­sima konna ineżistenti.  Konna qisna bħal ‘silġa meta ddub fix-xemx’.

“Inħoss li għandna r-responsabbiltá biex nis­kużaw ruħna mal-partitarji Naplitani, li jsegwuna b’tant passjoni. Jien il-coach u huwa xieraq li nieħu r-responsabbiltà kol­lha ta’ dan il-kollass.”

L-eks coach tal-Italja, Juventus u Inter offra l-aktar apoloġija sinċiera tiegħu lill-partitarji leali tal-club.

“Umilment niskuża ruħi għax it-tieni taqsima kienet inaċċettabbli. Prestazzjoni li turi li rridu naħdmu ħafna f’kull aspett. Ġejt Napoli b’ħafna entużjażmu, b’xewqa kbira.”

Conte kompla jgħid li Napoli xorta jistgħu jagħmlu ftit akkwisti ġodda qabel ma jagħlaq is-suq tat-trasferimenti.

Nhar il-Ħadd, David Ne­res wasal fil-club biex jagħmel it-test mediku filwaqt li Alessandro Buongiorno għadu jrid jiddebutta fis-Serie A mal-club.

“Minbarra s-suq tat-trasferimenti, dak li hu inkwe­tanti hu li fil-prestazzjoni tat-tieni taqsima konna ineżistenti.

“Għadna fil-bidu tal- kampjonat u nistgħu nirranġaw ħafna affarijiet. 

“Bħalissa l-moral tat-team huwa kemmxejn baxx iżda jekk naħdmu b’mod kollettiv u bil-għaqal jirnexxielna negħlbu l-ostakli kollha,” temm jgħid Conte.

Ekonomija

Sport