Kampjonat Ewropew tas-Snooker – Sofja 2026

Aqra wkoll

Aaron Busuttil u Chris Peplow komplew javvanzaw fil-kompetizzjoni ndividwali tas-Six Reds matul il-ħdax jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Sofia, il-Bulgarija. Is-Sibt, iż-żewġ plejers Maltin rebħu t-tliet logħbiet mill-fażijiet tan-knockout u issa jinsabu mal-aħħar erba’ fejn fis-semi-finali jridu jilgħabu kontra xulxin.

Busuttil biex wasal sas-semi-finali rebaħ fir-rawnd tal-aħħar 32 lil Franċiż, Niel Vincent, 4-0, fir-rawnd tal-aħħar 16 kontra l-Ingliż, Halim Hussain, 4-1 filwaqt bl-istess skor fil-kwarti tal-finali għeleb lil Germaniż, Simon Lichtenberg.

Il-kwalifikazzjoni għal Peplow waslet wara rebħiet kontra, l-Ġermaniż, Christian Richter fir-rawnd tal-aħħar 32 bl-iskor ta’ 4-1, fir-rawnd tal-aħħar 16 huwa għeleb lil Ingliż, Steve Crowley, 4-2 filwaqt li fil-kwarti tal-finali xejjen l-isfida tal-Finlandiż, Toni Savonen, 4-1.

Ma Busuttil u Peplow fir-rawnd tal-aħħar 32 kien ikkwalifika wkoll Alex Borg iżda dan kmieni filgħodu ġie eliminat mill-Ingliż, Halim Hussain wara li tilef 4-1.

Is-semi-finali bejn iż-żewġ plejers Maltin tintlagħab il-Ħadd fid-9a.m. filwaqt il-finali li hija pprogramata li tibda fit-3.30p.m. Il-finali ta’ din il-kompetizzjoni tas-Six Reds tintlagħab fuq l-aħjar minn disa’ frames. Busuttil jew Peplow fil-finali jridu jiltagħqu kontra r-rebbieħ tas-semi-finali l-oħra bejn il-Ġermaniż, Alexander Widau u l-plejer minn Wales, Alfie Davies. 

Li hu żgur li fl-edizzjoni ta’ din is-sena tas-Six Reds, Malta għandha post fil-finali u jkun xi ikun ir-riżultat, matul dawn l-aħħar tnax il-ġurnata li fiha saret din il-parti tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tal-EBSA, Malta tkun rebħet total ta’ ħames midalji.

Il-Ħadd stess wara li jintemmu s-semi-finali però sa qabel ma tibda l-finali tas-Six Reds, trid tintlagħab u tingħalaq il-kompetizzjoni tas-Shoot Out tal-EBSA li fiha ser jieħdu sehem 53 plejer fosthom l-istess ħames plejers Maltin li ħadu sehem f’dawn l-aħħar ġranet fis-Six Reds

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport