L-MUMN tiċċelebra 30 sena ta’ ħidma favur l-infermiera, il-qwiebel u l-professjonisti tas-saħħa

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg attenda ċ-ċelebrazzjoni tat-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Unjin Maltija tal-Qwiebel u l-Infermiera(MUMN), li matulha ġie inawgurat ukoll mużew ddedikat għall-istorja tal-professjonisti tas-saħħa fil-faċilitajiet tal-Unjin f’Ħal Qormi. Bħala parti mis-serata dan il-Mużew tbierek ukoll mill-Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna.

Waqt l-attività tnediet ukoll pubblikazzjoni dwar it-30 sena ta’ ħidma tal-MUMN u ġew żvelati l-pjanijiet għal monument ġdid li se jirrikonoxxi l-kontribut tal-infermiera u tal-qwiebel.

“L-MUMN hija trade union importanti ħafna u kien ta’ pjaċir li filwaqt li ċċelebrajna dan it-tragward stajt napprezza d-dedikazzjoni tal-membri tagħha lejn il-professjonijiet tagħhom permezz ta’ inizjattivi sbieħ bħal dawn. Bħala Gvern se nibqgħu ffukati fuq l-investiment fir-riżorsa umana sabiex niżguraw l-aqwa kundizzjonijiet għall-professjonisti tagħna, biex ikunu jistgħu jkomplu jagħtu l-aqwa servizz lill-pazjenti,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa saħaq li l-investimenti, ir-riformi u l-proġetti infrastrutturali fis-settur tas-saħħa jistgħu jagħtu l-frott mixtieq biss jekk ikun hemm il-professjonisti meħtieġa biex jagħtuhom il-ħajja u jwasslu s-servizzi u għalhekk dejjem ser ikunu ċentrali fit-triq ’il quddiem. Fakkar ukoll fl-iffirmar riċenti ta’ żewġ ftehimiet kollettivi mal-MUMN li se jtejbu l-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet ta’ madwar 180 ħaddiem.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva Deo Debattista rrikonoxxa l-kontribut imprezzabbli li l-infermiera u l-qwiebel jagħtu kuljum ma’ dawk kollha li jiġu bżonn is-servizz tas-saħħa u appella liż-żgħażagħ biex huma wkoll jagħmlu l-pass u jingħaqdu ma’ dan il-grupp ta’ professjonisti.

“L-infermiera u l-qwiebel ilhom għal snin twal joffru s-servizz tagħhom u huma fost il-pilastri ewlenin tas-sistema tas-saħħa. Id-dedikazzjoni tagħhom tidher meta jmorru lil hinn minn dak li hu mistenni minnhom sabiex jagħtu l-aqwa kura u appoġġ lill-pazjenti u lill-familji tagħhom. Din hija l-vera vokazzjoni: li tkun preżenti għall-persuna meta tkun l-aktar vulnerabbli,” qal Dr Debattista.

Il-President tal-MUMN Paul Pace fakkar fil-mixja tal-Unjin u spjega kif, wara li matul is-snin ħadmet minn diversi binjiet, il-binja attwali offriet spazju xieraq għal bosta inizjattivi bħal laqgħat, taħriġ u opportunitajiet edukazzjonali. Madankollu, kien għad fadal ħolma oħra marbuta ma’ dan il-post — dik li jinfetaħ mużew iddedikat. “Illum din il-ħolma saret realtà bil-ftuħ ta’ mużew iddedikat għall-istorja tal-professjonisti tas-saħħa. Pajjiżna kien magħruf bħala ‘The Nurse of the Mediterranean’, iżda l-istorja tal-professjoni tmur lura saħansitra sal-perjodu tal-Kavallieri. L-avvanz fit-teknoloġija kien tant mgħaġġel li wħud mill-oġġetti esebiti konna għadna nużawhom fil-ħidma tagħna sa ftit snin ilu. Verament nemmnu li sabiex tifhem il-preżent trid tifhem l-istorja u minn fejn tlaqna,” qal is-Sur Pace.

Huwa rringrazzja wkoll lill-Ministeru għas-Saħħa għall-kooperazzjoni u l-appoġġ tiegħu fit-twettiq tal-mużew u fil-ħidma kontinwa favur il-professjonisti rrappreżentati mill-MUMN li llum ilaħħqu ’l fuq minn 5500 persuna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport