Id-difensur ta’ Chelsea Antonio Rudiger qed jiġi rrappurtat aktar viċin li jingħaqad ma’ Real Madrid bi free transfer fis-sajf li ġej.
Il-player ta’ 28 sena fadallu inqas minn seba’ xhur fil-kuntratt attwali tiegħu fi Stamford Bridge, u t-taħditiet biex jestendi l-ftehim tiegħu mal-Blues naqsu milli javvanzaw.
Ħu Rudiger u l-aġent Sahr Senesie kellu taħditiet ma’ rappreżentanti ta’ Real Madrid matul l-aħħar ġimgħat u ntlaħaq ‘ftehim informali’ biex il-Ġermaniż imur jilgħab fil-La Liga fis-sajf li ġej.
Iż-żewġ clubs tal-Premier League Manchester United u Tottenham Hotspur esprimew ukoll l-interess tagħhom li jiffirmaw lil Rudiger; madankollu, id-difensur ċentrali jippreferi jmur jilgħab fis-Santiago Bernabeu.
Real Madrid huma ħerqana li jakkwistaw difensur ċentrali ġdid f’waħda mit-twieqi tat-trasferimenti li ġejjin, wara li ma rnexxilhomx jieħdu post Sergio Ramos u Raphael Varane matul is-sajf.
Rudiger, li hu maħsub li qed jitlob salarju annwali ta’ €12-il miljun biex jibqa’ ma’ Chelsea, għamel 20 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha għat-team ta’ Thomas Tuchel dan l-istaġun, u rreġistra żewġ goals u żewġ assists.