Tuesday, April 23, 2024

Antonio Rudiger jitlob li jingħata kuntratt ġdid b’valur ta’ £46m minn Chelsea

Aqra wkoll

Id-difensur ċentrali ta’ Chelsea, Antonio Rudiger, qed jitlob li jingħata kuntratt ġdid b’valur ta’ £46m.

L-internazzjonali Ġermaniż qed itemm l-aħħar ftit xhur tal-ftehim eżistenti tiegħu mal-Blues iżda dan l-aħħar deher jagħti ħjiel li se jkun miftuħ biex jiffirma estensjoni fil-kuntratt.

Taħditiet li ilhom għaddejjin dwar ftehim ġdid għad iridu jagħtu l-frott, madankollu, bit-talbiet finanzjarji ta’ Rudiger maħsub li qed jippreżentaw ostaklu fin-negozjati.

Rudiger irid li l-kuntratt il-ġdid propost tiegħu fi Stamford Bridge ikun jiswa £46m, bl-offerta inizjali ta’ Chelsea ta’ £135k fil-ġimgħa ‘tħasseb’ lill-ex player ta’ Roma.

Jekk fl-aħħar mill-aħħar Rudiger jagħżel li ma jestendix il-ftehim tiegħu ma’ Chelsea, Bayern Munich, Juventus, Paris Saint-Germain u Manchester United mistennija jidħlu f’taqtiegħa għas-servizzi tiegħu.

Rudiger skorja żewġ goals u pprovda żewġ assists fi 22 dehra tal-Premier League f’dan l-istaġun, u l-player ta’ 28 sena rebaħ iċ-Champions League, l-FA Cup u l-Europa League matul iż-żmien tiegħu fi Stamford Bridge.

Sport