Anzjan ta’ 80 sena residenti ż-Żejtun ittella’ mill-baħar wara rapport li sar aktar kmieni llejla għall-ħabta tas-6:00 p.m.
Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkien mal-Pulizija skattaw minnufih bit-tfittxija għar-raġel li niżel jgħum fil-bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala wara li dan baqa’ ma rritornax fuq l-art.
L-uffiċjali tellgħu lir-raġel li ntlemaħ mitluf minn sensih fil-baħar, iżda sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.
B’rabta mal-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.