Wednesday, October 9, 2024

Anzjana ta’ 108 sena kienet rebħet l-Influwenza Spanjola u issa l-Covid-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Minn Carmen Cachia 

Mara ta’ 108 minn New Jersey hija l-persuna li 100 sena ilu rnexxielha tfieq mill-Influwenza Spajola u riċentement irnexxielha tegħleb il-virus responsabbli għall-pandemija preżenti, jiġifieri dak tal-Covid-19.

Din in-nanna, Anna Del Priore, fil-5 ta’ Settembru li għadda ċċelebrat bil-kbir għeluq il-108 sena tagħha minħabba li f’ħajjitha hija rnexxielha tirbaħ żewġ pandemiji kbar u l-istorja tagħha saret sensazzjoni nazzjonali. 

Fl-età ta’ sitt snin Del Priore fieqet mill-Influwenza Spanjola mentri f’Ġunju li għadda, fl-età ta’ 107 sena, hija reġgħet kellha rebħa kbira meta rkuprat mill-Coronavirus. Oħtha Helen li tgħix fil-Queens, fl-età ta’ 105 sena, ukoll fieqet mill-Covid-19 u meta kienet daqsxejn ta’ tifla, hija kellha l-Influwenza Spanjola u fieqet.

Anna saret sensazzjoni fil-midja u l-istorja tagħha ġiet irrakkontata minn Fox News, Forbes, The Hill, The Asbury Park Press u ħafna mezzi tax-xandir oħra. Din l-anzjana ferrieħija tisħaq li s-sigriet tagħha huwa ż-żfin u li baqgħet attiva ħafna. Hija u r-raġel tagħha, Frank, li miet ftit tas-snin ilu, kienu jħobbu jiżfnu. Fil-fatt, Frank kien żeffien professjonali tat-Tango u Anna, minkejja l-età tagħha, sal-ġurnata tal-lum għadha tħobb tiċċalaq mal-mużika.

Sakemm kellha 100 sena, Anna kienet ta’ kuljum tmur mixja twila mil biex tiltaqa’ mal-ħbieb tagħha ħalli jieħdu kafè fil-McDonald’s.

Il-familja ta’ Anna jgħidu li ta’ kuljum hija kienet tagħmlilhom l-ikla ta’ filgħaxija u kienet il-ħin kollu għaddejja. Barra minnhekk jingħad li din is-“super” anzjana kienet taqbad tmur tixtri ż-żebgħa u tbajjad id-dar, kif ukoll tgħallimhom jiżfnu. 

Laura Halle, waħda mill-infermieri li jaħdmu fir-residenza tal-anzjani li tgħix fiha Anna, qalet li, “ħadd ma jemminni. Huwa ta’ unur li stajt nara l-vjaġġ ta’ din il-mara. Fl-età ta’ 108 snin hija tqum, tagħmel xagħarha, timxi u tiżfen. Għall-bqija ta’ ħajti se nirrakkonta kif iltqajt u sirt inħobb persuna li għexet sa età ferm avvanzata u rnexxielha tibqa’ b’saħħitha sal-aħħar”.

Sport