Wednesday, April 24, 2024

Anzjani jilmentaw li tkeċċew mix-xogħol minħabba l-pandemija u ma ġewx ikkumpensati

Matul is-sena li għaddiet l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani rċieva numru ta’ lmenti minn persuni rtirati

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani rċieva numru ta’ lmenti minn persuni rtirati, li għandhom 65 sena jew aktar, fejn ingħad illi minħabba l-età tagħhom kienu meqjusa vulnerabbli u b’riżultat ta’ dan tkeċċew mill-impjieg minħabba l-pandemija. Dawn il-persuni ħassewhom urtati peress li bl-ebda mod ma ġew ikkumpensati għat-telf li ġarrbu fid-dħul tagħhom.

Dan joħroġ mir-rapport ta’ ħidma għas-sena 2020 li sar mill-Kummissarju għall-Anzjani Dr Mary Vella, liema rapport ġie ppreżentat fl-aħħar jiem lill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Dr Michael Farrugia. 

F’dan ir-rapport jintqal li fl-2020, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Anzjani rċieva għadd kbir ta’ mistoqsijiet b’rabta mal-imxija tal-Covid-19, b’ħafna persuni anzjani jfittxu parir jew li jingħataw iżjed informazzjoni filwaqt li tħassib ieħor kien dwar il-waqfien taż-żjajjar fid-djar tal-anzjani.

Ilmenti oħra li rċieva l-imsemmi uffiċċju kienu dwar pensjonijiet u benefiċċji oħra kif ukoll xogħlijiet fit-toroq fost oħrajn. Kien hemm ukoll tħassib dwar anzjani li kellhom jistennew barra l-banek, uffiċċji postali u ċ-ċentri tas-saħħa fix-xhur sħan tas-sajf mingħajr ebda protezzjoni mix-xemx. Każijiet oħra kienu dwar abbuż fuq persuni anzjani.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani ħares lejn kull każ b’mod individwali u sussegwentement ġew indirizzati. Fejn meħtieġ, ċertu lmenti kienu mgħoddija lill-awtoritajiet kompetenti. L-ilmenti kollha ġew investigati b’mod kunfidenzjali u fil-ħin.

Fil-kummenti tagħha, il-Kummissarju għall-Anzjani Dr Mary Vella qalet li l-irwol tagħha jiċċirkola mal-promozzjoni tal-ġid tal-anzjani biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar u rrimarkat li l-ħidma tagħha matul is-sena 2020 kienet straordinarja, diffiċli u bla preċedent.

“Minkejja dawn l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, komplejt bil-ħidma tiegħi li nedukaw, naraw li d-drittijiet tal-anzjani jiġu mħarsa u nippromwovuhom, u nistabbilixxu anke standards biex jiġu applikati minn dipartimenti u aġenziji. Importanti li nkomplu nikkollaboraw ma’ entitajiet fil-qasam tal-anzjani biex bħala tim wieħed, naħdmu għall-aħjar interess tal-anzjani,” tenniet il-Kummissarju.

Sport