Saturday, December 21, 2024

Appell lid-Deputati Mexxejja Laburisti

Aqra wkoll

Il-proċess tal-ħatriet statutorji fi ħdan il-Partit Laburista issa jinsab warajna. Tlesta. Għandna President ġdid. Għandna żewġ Deputati Mexxejja ġodda u għandna Eżekuttiv Nazzjonali ġdid. Nawguralhom lkoll mill-qalb. L-Elezzjoni Ġenerali li jmiss qegħda wara l-kantuniera. Ma narax li hemm lok għal dak li l-Ingliżi jsejħulu ‘honeymoon period’. Il-ħidma ma tistax tistenna. Ir-riżultati tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali wrew bl-aktar mod ċar li l-Partit Laburista għandu x’jagħmel ħafna.

Ma nafx jekk dawk kollha li d-delegati tal-Partit Laburista għabbewhom b’xi forma ta’ responsabbiltà kellhomx il-ħin jaqraw artiklu, fl-opinjoni tiegħi tajjeb ħafna, pubblikat f’din il-gazzetta il-Ħadd 15 tax-xahar, bit-titlu L-IDEOLOĠIJA…..X’QED JIĠRI? L-awtur, ‘Salvu’, li jien ma nafx min hu, qal li hu delegat. Artiklu li fih ħafna u ħafna wieħed x’jomgħod. Ma jfissirx li bilfors naqbel f’kollox ma’ dak li kiteb ‘Salvu’, imma dak mhux il-punt.

Nixtieq, u sinċerament nittama, li dan l-artiklu qrah kemm il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, kif ukoll iż-żewġ Deputati Mexxejja, Ian Borg u Alex Agius Saliba, u l-President Alex Sciberras. Artiklu li jagħti stampa ċara aktar minn biżżejjed.
Sadattant minn meta saru dawn il-ħatriet ġodda ma nafx kemm-il kelliem mill-Partit Laburista smajt fuq ma nafx kemm-il programm radjufoniku jgħid li l-poplu bagħat messaġġ u li kien qed u se jingħata widen għalih.

F’ġieħ il-Bambin ta’ Praga, tafu kemm-il darba saret din il-‘wegħda’? Tafu kemm-il wegħda saret tul l-aħħar ġimgħat qabel l-Elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda? Tafu jekk inżammux dawn il-wegħdiet? Jekk issarfux fil-konkret. Qed nistaqsi dan kollu għax xbajt jasluli messaġġi, telefonati (ma kinetx paġna li vvintajt!) jilmentaw li minn dak imwiegħed lilhom ma twettaq xejn, u AGĦAR minn hekk meta ppruvaw jagħmlu kuntatt ma’ min kien wegħedhom xi ħaġa LANQAS biss wieġeb lura.

Forsi jkun hemm min jgħidli li mhux bilfors tkun verità dak li jasalli, jew li jkun imkabbar aktar milli fil-fatt ikun. Jista’ jkun, għalkemm ma naħsibx li hu hekk. IMMA ma jmerini ħadd fuq mill-inqas żewġ każi li kont involut fihom dirett jien. Għamilt kuntatt ma’ Ministru partikolari, għall-prudenza LLUM ma nsemmihx. Semmejtlu każ partikolari. ILLUM ma ngħidx x’qasam hu għax ovvjament ikun magħruf min hu l-Ministru. Talabni d-dettalji ta’ min kien ilmenta miegħi. Tajthomlu. Sar kuntatt mal-persuni konċernati minn membru tas-Segretarjat tal-Ministru. Intalab tagħrif u dettalji dwar l-ilment…..affarijiet li wara kollox kienu diġà għandhom għax kienu diġà sarulhom.

Lili nfurmawni li sar dan il-kuntatt, kemm min-naħa tas-Segretarjat tal-Ministru kif ukoll mill-individwi konċernati. Ħadt ir-ruħ. Għidt tajjeb, aġixxew. Lill-individwi konċernati qalulhom li kienu qegħdin jaħdmu fuq il-każ. Xi ħaġa li dawn il-povri individwi kienu diġà segħmuha aktar minn darba oħra u mingħand l-istess persuna!

Ħallejt ftit ġimgħat jgħaddu u staqsejt lill-individwi konċernati kienx hemm xi żviluppi. Kont konvint li ma kienx hemm, għax kieku dawn l-individwi kienu jinfurmawni. Ikkonfermawli li ma kien hemm ebda żvilupp. Ippruvajt nagħmel kuntatt telefoniku ma’ min mis-Segretarjat tal-Ministru konċernat kien ikkuntattja lili. Ma wasaltx. Ippruvajt anke b’messaġġ elettroniku. Għaddew tlett ijiem sakemm ingħatajt tweġiba, li fil-verità tweġiba li tfisser ftit li xejn.

Fuq dan il-każ daqshekk, ILLUM. Dwar it-tieni każ forsi nitkellmu aktar ‘il quddiem. Sadattant nassigurak li lil dawn l-individwi li tkellimt dwarhom ma nafhomx minn Adam.

Enfasizzajt l-appell tiegħi liż-żewġ Deputati Mexxejja għal raġunijiet partikolari. Dwar il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit ktibt darbtejn f’din il-paġna, fit-28 ta’ Lulju u fit-18 ta’ Awwissu li għaddew. Fiż-żewġ okkażjonijiet stqarrejt x’nippretendi li għandu jsir minn min ikun qed jokkupa din il-kariga. Mhux se nirrepeti għat-tielet darba. Iż-żewġ paġni għadhom disponibbli.

Fir-rigward tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament nippretendi li għandna nkunu ta’ eżempju. Ma nistennix per eżempju li jkollna sitwazzjonijiet meta tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari jitħallew jaqgħu lura. Dan xogħol li ħafna minnu jkun jiddependi minn ħaddiema taċ-Ċivil. Minn kapijiet tad-dipartimenti u n-nies tagħhom. Laxkezza tkun tfisser dell ikrah fuq il-Ministru konċernat. Tweġibiet mhux imwieġbin jagħtu lok għal kritika ġustifikata imma bla bżonn. Li twassal għal kapital politiku.

Lili personalment nuqqas bħal dan iqanqalli ħafna dubji u suspetti. Ma naħsibx li hemm għalfejn nispjega aktar. U la qiegħed fiż-żifna ċertament għandu jkun assigurat li ma jkun hemm ebda membru taċ-Ċivil li jagħmel tiegħu s-setgħat tal-Ministru nnifsu. Fi kliem ieħor: Ministru wieħed għandu jkun hemm, dak maħtur mill-Prim Ministru. Xbajna nisimgħu stejjer ta’ din il-kwalità, li finalment ħlief ħsara politika m’għamlux u ma jagħmlux.

[email protected]

Sehem l-id f’kull forma ta’ arti

Wara kull biċċa xogħol, tkun xi tkun, ikun hemm il-ħsieb. Il-pjan. Pjan li finalment ikun irid ħidmet l-id, id-daqqa tal-imgħallem. Ħidmet l-id taffaxxinah lill-fotografu Karm Vassallo Mifsud. Waqt attività li ttellgħet riċentement fi Ġnien l-Istazzjon, Birkirkara, laqtitu id il-pizzar u id mara li kienet qed taħdem il-bizzilla bil-mod tradizzjonali. Ħidma fuq żewġ affarijiet totalment differenti minn xulxin. Imma l-id hija strumentali u komuni fit-tnejn li huma.

Ekonomija

Sport