Is-servizzi publiċi tas-saħħa qed ikunu effettivi daqskemm jintqal li huma – jew daqs kemm nixtequhom ikunu? Jiġu ħinijiet meta jkollok tiddubita, speċjalment wara li tisma’ b’ċerti każi. Il-biċċa l-kbira jinvolvu d-dewmien meħtieġ biex jingħata s-servizz.
L-aktar lampanti hi l-istennija fil-kju sakemm tinqeda jekk tinqala’ xi emerġenza. Mhux biss fl-isptarijiet ċentrali imma anke fil-kliniċi “reġjonali” li kienu maħsuba biex inaqqsu l-pressjoni ta’ pazjenti li jmorru għall-kura fl-isptarijiet. Jidher li ta’ spiss, wieħed ikollu jistenna nofstanhar sħiħ jew aktar biex jirċievi l-kura. Terġa’, fi kliniċi fejn jittieħdu l-x-rays, id-djanjosi mediku fuqhom jingħata mill-isptar ċentrali. F’każ possibbli ta’ ksur, pereżempju, dan ġieli jasal wara aktar minn ġimgħa. Imbagħad hemm l-appuntamenti ma’ speċjalisti fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ tabib li jingħataw talanqas għal erba’ xhur fil-futur.
L-istess problemi ta’ dewmien u kjuijiet ta’ pazjenti jistennew jinsabu f’servizzi tas-saħħa ta’ pajjiżi Ewropej oħra – bħal fir-Renju Unit. Iżda kemm nistgħu nqisu dil-ħaġa bħala faraġ għad-dewmien li jkollna fil-provista tas-servizzi tas-saħħa f’Malta?
AWTORITÀ MORALI
Il-ġerarkija ekkleżjastika tistenna li tingħata… u fil-fatt tingħata… rikonoxximent uffiċjali bħala gwida etika. F’okkażjonijiet statali, il-mexxejja tagħha jingħataw id-dritta biex jindirizzaw lir-rappreżentanti tal-politika, l-ekonomija u s-soċjetà ċivili dwar xinhuma n-normi korretti ta’ imġiba, f’sens ta’ ġustizzja, onestà u solidarjetà.
Il-mistoqsija madankollu tibqa’ tqum: minn fejn ġejja din l-awtorità morali – mistennija u mogħtija – li tgawdi l-ġerarkija Kattolika? Għax wieħed jistenna li biex ikollok din l-awtorità, trid turi bl-eżempju li l-imġiba etika tiegħek hi “aħjar” minn tal-partiti politiċi, tad-ditti privati u tal-għaqdiet professjonali, fost oħrajn. Imma mhux hekk. Ftit jiddistingwi l-aġir tal-korp ekkleżjastiku minn ta’ korpi oħra, mhux l-anqas fil-mod kif jiddefendi lill-membri tiegħu. L-aħħar eżempju ta’ dan tathulna l-istqarrija tal-Isqof ta’ Għawdex dwar il-każ ta’ stupru ta’ tfajla minorenni.
IL-BTAJJEL PUBLIĊI
Ma nafx inix nifhem tajjeb – biss il-btajjel f’Malta li huma marbuta ma’ xi ġrajja “sekulari” donnhom li biż-żmien qed jitilfu mis-saħħa tagħhom. Isiru l-aktar okkażjoni għal ġurnata ta’ rilassament. It-tifsira tagħhom jew it-tifkira tal-ġrajjiet li jkunu qed jimmarkaw jingħataw ftit tal-attenzjoni, għall-kirjanza.
F’imkejjen oħra, bħal fl-Istati Uniti u r-Russja, jiġri mod ieħor – in-nies donnhom baqgħu b’fervur popolari għall-aqwa tifkiriet storiċi tal-pajjiż. In-nazzjonaliżmu tagħhom jieħu sura ħajja bl-attendenza popolari għall-avvenimenti li jinżammu f’dawn il-btajjel u bis-serjetà li biha jqisuhom. Fostna dil-ħaġa aktar baqgħet tinħass għall-btajjel reliġjużi. Il-fervur u l-attendenzi naqsu fihom ukoll imma xorta huma aqwa minn tal-btajjel ċivili. Fuqhom imbagħad trikkbu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ divertiment fit-toroq li jiġbdu l-folol lejn il-festi tradizzjonali.

