Friday, December 13, 2024

APPROVAZZJONI B’SAĦĦITHA GĦAL GLENN MICALLEF LI TAGĦMEL ĠIEĦ LIL PAJJIŻNA 

Aqra wkoll

Mill-bidu ta’ Diċembru li ġej, il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida se tibda taqdi d-dmirijiet u l-funzjonijiet tagħha taħt it-tmexxija tal-President Ursula von der Leyen li se tkun qiegħda sservi fit-tieni mandat tagħha fil-kariga. Kummissjoni Ewropea, li fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tagħha, kif stqarret von der Leyen infisha, se jkun hemm il-ġlieda għal-libertà, is-sovranità, is-sigurtà u l-prosperità.

Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-EU għall-ħames snin li ġejjin, ġie ffurmat ukoll il-Kulleġġ tal-Kummissarji mis-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea, b’kull wieħed u waħda minnhom ikunu assenjati b’portafolli mill-President. Fost il-Kummissarji Ewropej approvati wara l-vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew nhar l-Erbgħa li għadda hemm il-Kummissarju Malti Glenn Micallef. 

Micallef kellu prestazzjoni brillanti waqt il-grilling li sarlu mill-Membri tal-Kumitati Parlamentari Ewropej aktar kmieni dan ix-xahar. Tant li fl-ittra ta’ evalwazzjoni tiegħu, il-Kumitat tal-PE għall-Kultura u l-Edukazzjoni jgħid li Micallef ta “impressjoni konvinċenti tal-kapaċità tiegħu li jkun membru tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u li jwettaq il-ħidma li ġiet fdata lilu.”

Dan kollu jġib fix-xejn il-kritika li bdiet titmexxa ‘l quddiem minn xi wħud, fosthom minn esponenti ewlenin fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, meta kien hemm min qal li Micallef għadu żgħir wisq biex imexxi u m’għandux esperjenza politika. Imma kif jgħidu ż-żmien tana parir… u Micallef mar fl-isitituzzjonijiet Ewropew u għamel ġieħ lil pajjiżu. 

Kien hemm min saħansitra qal li Malta ngħatat l-iżgħar portafoll. Bħallikieku li jkollok portafoll li jinkludi fih iż-żgħażagħ, il-kultura, l-isport u l-ġustizzja interġenerazzjonali, b’budget ta’ €13-il biljun, huwa portafoll żgħir!. 

Min-naħa l-oħra, illum il-ġurnata dik ir-retorika dwar Glenn Micallef bħal donnu nbidlet. Dan għaliex Micallef wera tassew xi kredenzjali u x’kapaċitajiet għandu biex imexxi f’kariga daqstant importanti u ta’ prestiġju. Intennu li l-għażla tiegħu għall-Kummissarju Ewropew kienet waħda tajba, f’lokha u raġunata u dan jixhdu l-approvazzjoni b’saħħitha li kiseb mill-Parlament Ewropew li bla dubju jagħmel ġieħ lil art twelidna. 

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li Micallef, barra li huwa l-iżgħar fost il- Kummissarji Ewropew li qatt kien inkarigat mill-portafoll taż-żgħażagħ, huwa wkoll l-ewwel Kummissarju għall-ġustizzja interġenerazzjonali li se jitkellem għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri. Huwa se jkollu rwol importanti li jipproteġi l-interessi tat-tfal, kif ukoll il-kultura, l-isport, is-saħħa mentali u s-cyberbullying. 

Konvinti li fil-kariga ġdida tiegħu, il-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef se jkun qiegħed jagħti dik l-ispinta meħtieġa f’dawk l-oqsma li tagħhom huwa responsabbli b’risq iċ-ċittadini Maltin u Ewropej. Nawgurawlu kull suċċess f’dan l-irwol il-ġdid tiegħu. 

Ekonomija

Sport