Saturday, May 4, 2024

ARA: Alexandra Alden u Jim Hickey jingħaqdu għar-remix ta’ ‘Pilgrim’

Aqra wkoll

Id-diska b’laqta folk mill-album Wild Honey ta’ Alden reġgħet inħadmet b’mod elettroniku f’verżjoni li żgur se ssir suċċess sajfi

YouTube video

Il-kantanta folk u l-judge ta’ X Factor Malta Alexandra Alden ingħaqdet mal-produttur tal-mużika Malti-Amerikan Jim Hickey għar-remix tal-aktar single riċenti tagħha ‘Pilgrim’. Din il-kollaborazzjoni bdiet waqt li Alden u Hickey kienu qiegħdin fuq lockdown fl-Olanda u l-Ġermanja rispettivament, u din hija l-ewwel darba li l-mużika tal-kantawtriċi qed tingħata ritmu aktar mgħaġġel. 

Alden kitbet ‘Pilgrim’ bħala kanzunetta li tesplora l-vjaġġ li wieħed jibda biex isib it-triq spiritwali, u issa Hickey żied ritmi aktar mgħaġġlin li jaħdmu tajjeb immens mal-vuċi ta’ Alden. Ir-riżultat huwa verżjoni li tinħass aktar organika u magħquda, bil-ħsejjes ritmiċi tas-synths li jduru mal-interpretazzjoni emozzjonanti tal-vuċi ta’ Alden, filwaqt li tinżamm il-qawwa tal-oriġinali, partikolarment dik tal-kliem tad-diska.

“Ilni nixtieq nisma’ l-mużika tiegħi b’mod differenti għal żmien twil,” spjegat Alden. “Huwa għalhekk li kont qed infittex lil xi ħadd ma’ min nagħmel ir-remixes. Malli smajt l-aħħar diska ta’ Jim, ‘Love in Rewind’, mal-ewwel kont naf li għandna nikkollaboraw.”

Hickey, li huwa bbażat f’Berlin u li ħadem fuq mużika tal-Awstraljan Joshua Teicher, kif ukoll ta’ gruppi Ġermaniżi bħal FINN u AKA AKA, kien kuntent ħafna b’din il-proposta: “Il-vuċi u l-ħila ta’ Alex biex tikteb id-diski huma inkredibbli. Verament li r-remix ħarġet minni litteralment fil-mument li poġġejt biex naħdem fuqha.”

Id-duo ħadmu wkoll fuq video mużikali li għandu jakkumpanja r-remix elettronika l-ġdida ta’ ‘Pilgrim’. Iffilmjat f’Rotterdam mill-artista viżwali emerġenti Julia van der Molen, il-vidjow jsib lil Alden bejn f’sikkitha u bejn le waqt dawra f’Rotterdam, il-belt fejn ilha tgħix għal dawn l-aħħar ftit snin. 

“Użajna s-sit ta’ Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO Van Nelle Fabriek [il-Fabbrika Van Nelle], li ġie deskritt bħala ‘poeżija fl-azzar u l-ħġieġ’ u li huwa post għal qalbi ħafna,” qalet Alden. “Ridna noħolqu kuntrast bejn il-linji riġidi tal-ispazju tal-fabbrika u d-dawl tad-duni li jitbaxxa bil-mod, waqt li jien inqum f’dawn iż-żewġ postijiet kompletament differenti fl-istess waqt. Hekk kif dawn iż-żewġ dinjiet jitħalltu u jidħlu f’xulxin tul il-video, huma jissuġġerixxu l-possibbiltà li jeżistu diversi realtajiet differenti, jew forsi, ħolm u realtajiet li jingħaqdu flimkien, fejn id-diska u l-vjaġġ tal-pellegrin huma l-unika ħaġa li tgħaqqadhom flimkien.”

‘Pilgrim (Jim Hickey Remix)’ issa ħarġet fuq is-servizzi ta’ streaming internazzjonali kollha, fosthom Spotify, Apple Music u Amazon Music, filwaqt li l-video uffiċjali jinsab fuq YouTube.

Sport