Tuesday, May 14, 2024

ARA: Ġurnalista Ukrena mingħajr Protezzjoni Internazzjonali wara erba’ snin f’Malta

Imċaħħda milli tara l-ommha minħabba dan in-nuqqas

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna ma bdietx is-sena li għaddiet iżda kien fl-2014 meta l-President Russu Vladimir Putin għaqqad il-peninsula tal-Krimea mat-territorju Russu. Iddikjarat dan ma’ Talk.mt il-ġurnalista Ukrena Inna Honcharuk-Plikhivska li ddeskriviet magħna dak iż-żmien u kif waqt li kienet qiegħda tirrapporta dwar din il-ġrajja, ir-Russi neħħew kull simbolu Ukren mill-Krimea fi ftit jiem. Hija qalet li għall-ewwel darba f’ħajjitha rat konvojs ta’ armamenti militari jaslu fil-Krimea u suldati Russi, bis-suldati Ukreni ma jibqagħlhom l-ebda triq oħra għajr li jbaxxu rashom minħabba tankijiet tal-gwerra Russi lesti biex jattakkaw id-djar li fihom kien hemm familji Ukreni. Dak iż-żmien emmnet li ma kinitx se terġa’ tirfes fl-Ukrajna minħabba Russi, Burjati u separatisti mil-Lvant tal-Ukrajna li kienu armati sa snienhom.

YouTube video

“Niftakar frażi ta’ wieħed minnhom b’machine gun fuq spalltu li qalli biex inwassal il-messaġġ fl-Ukrajna li f’xi ħin jew ieħor kienu se jaslu f’Kyiv”, kompliet tgħidilna filwaqt li żiedet tirrakkonta dwar il-ħidma tagħha bħala ġurnalista f’Feodosia u kif rat il-bandiera Ukrena tperper sal-aħħar mumenti. Spjegat dwar il-weġgħa ta’ kif bħala Ukrena kellha tassisti għal perjodu ta’ kif mingħajr ma setgħu jagħmlu xejn, bl-invażuri jieħdu dik li għalihom kienet art Ukrena.

Tkellmet ukoll dwar il-gwerra li kompliet fil-Lvant tal-Ukrajna għal tmien snin sħaħ, magħrufa aħjar bħala l-gwerra f’Donbas sakemm ftit iktar minn sena ilu seħħet l-invażjoni b’mod sħiħ. Hija rreferiet għal uħud mir-ritratti u filmati li wrew l-atroċitajiet li seħħew f’Buchi, Irpen, Mariupol, Izyum u Bakhmut fost l-oħrajn. Il-familja tal-ġurnalista Ukrena, inklużi ommha u ħutha jgħixu fit-tramuntana tal-Ukrajna, viċin il-fruntiera mal-Belarus. 

Periklu waqt il-ħidma ġurnalistika tagħha

Inna ilha f’pajjiżna kważi erba’ snin u minħabba xogħolha fl-Ukrajna, ir-riskju fuq ħajjitha kulma jmur kien qiegħed ikompli jikber. Ma’ dan is-sit spjegat is-sistema ta’ rappurtaġġ li kienet spiċċat taħdem fiha fejn mhux biss kellha kriterji li riedet iżżomm magħhom fil-kitba tagħha, iżda talli wara li tippreżenta rapport kien ikun hemm assessjar tal-kitba li għamiltielha impossibbli biex tirrapporta l-verità. B’sens ta’ patrijottiżmu, l-Ukrajna baqgħet prijorità fil-kitba tagħha u b’hekk ma kellhiex triq oħra għajr li tfittex pajjiż fejn tista’ tirriloka. Hija ħassitha mhedda waqt ix-xogħol tagħha anke minn nies favur ir-Russi li setgħu jsiru anke vjolenti jekk sempliċiment jisimgħu persuni jitkellmu bil-lingwa Ukrena.

Inna tirrapporta waqt il-gwerra fil-Krimea

L-edukazzjoni kienet ukoll problema. L-għalliema u l-istudenti ħafna drabi kienu jitkellmu bir-Russu fl-Ukrajna u din għal persuni bħalha kienet xi ħaġa inaċċettabbli. Barra minn hekk, il-poplu Ukren bħal donnu kien rassenjat u r-rivoluzzjoni biex l-Ukreni jerġgħu jistabilixxu t-territorju tagħha kienet xi ħaġa li qiegħda tidher bħala impossibbli minħabba li l-poplu kien jidher wisq passiv u rassenjat. Għażlet lil pajjiżna u ddeskrivietu bħala pajjiż sigur u trankwill li madanakollu f’dawn l-aħħar snin kellha taffaċċja diversi sfidi. 

L-istatus tagħha għadu inċert

“Jien u binti ninsabu grati li sibna kenn f’Malta. Sfortunatament l-istatus tagħna għadu inċert hekk kif it-talba lill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali (IPA) għadha ma ġietx milqugħa”, spjegat ma’ Talk.mt filwaqt li żiedet tgħidilna dwar id-diversi ostakli li jkollha taffaċċja fil-ħajja ta’ kuljum mingħajr dawn id-dokumenti li hi tħoss li għandha tingħata. Ilhom erba’ snin ma jaraw lil qrabathom li qegħdin jgħixu fi gwerra li ħalliethom mkissrin emozzjonalment tant li minħabba sireni li kontinwament jinstemgħu, il-biża’ donna saret xi ħaġa sekondarja u li bħal donnhom rassenjati li jibqgħu fi djarhom jistennew x’se jiġri minnhom minn mument għall-ieħor.

Inna tirrapporta waqt protesta fil-Kapitali Ukrena

Mingħajr id-dokumenti huma ma jistgħux isiefru u r-ritorn fl-Ukrajna jkun ta’ periklu kbir għalihom it-tnejn. Hi tara l-Polonja bħala l-aħjar mod biex terġa’ tara lill-ommha, iżda dan mhux possibbli sakemm jinħarġu d-dokumenti mill-IPA.

“Ħadulna l-passaporti, tawna dokumenti li juru li beda l-proċess, u qalulna li kienu se jkellmuna fi żmien xhur. Il-pandemija bħal donna fixklet il-proċess u sal-lum għadna bla risposta. Il-ħolma tiegħi hi li nerġa’ nara lil ommi u nittama li ningħataw rispons kemm jista’ jkun malajr. L-Isptar, jekk infittex xogħol, u diversi sitwazzjonijiet oħra nintgħalab informazzjoni dokumentata bl-identità tiegħi u filwaqt li m’iniex b’xi mod nittallab għall-benefiċċji, ma nħossx li għandi kull darba noqgħod nirrakkonta din l-istorja kollha tiegħi”, tenniet Inna.

Fl-aħħar jiem ħuha ntalab biex jissieħeb f’reklutaġġ

Mistoqsija rigward il-possibbiltà ta’ qrabatha li jitilqu mill-Ukrajna, Inna qalitilna li magħha jgħixu ż-żewġ ħutha li minħabba li l-irġiel bejn 18 u 60 sena jridu jibqgħu fil-pajjiż minħabba li jistgħu jissejħu għall-gwerra. Hija tħossha iktar sigura magħhom u proprju fl-aħħar jiem irċevew it-telefonata li ommhom dejjem talbet li ma taslilhiex. Ħu Inna ġie msejjaħ għar-reklutaġġ u minkejja li Inna tinsab ’il bogħod minnha tista’ timmaġina kif inhi mkissra emozzjonalment ma’ din l-aħbar. In-nies fl-Ukrajna ma jistgħux jippjanaw il-futur tagħhom. Ħadd ma jaf safejn jista’ jasal Putin u li bl-armi li ntużaw u għadhom qegħdin jintużaw, il-ħajja ta’ dawk involuti f’din l-invażjoni hija mhedda minn sekonda għall-oħra. 

Ritratt meħud minn Inna waqt il-ħidma ġurnalistika tagħha … kellhom jaqbżu ċ-ċint minħabba tankijiet tal-gwerra Russi jostakolaw l-entraturi

Ferm emozzjonata fid-diskors tagħha, il-ġurnalista Ukrena qalet li minkejja li ma għexitx fl-Ukrajna f’din l-aħħar sena mill-invażjoni, sempliċiment il-ħoss ta’ ajruplan żgħir waqt li qiegħda f’Malta wkoll bħal ibeżżagħha minħabba dak li għaddej f’pajjiżha. Mhux l-ewwel darba li tkun qiegħda tikkomunika ma’ eks kollegi tagħha li qegħdin fil-kamp militari, qrabatha u saħansitra suldati meta dawn jisfaw fil-mira ta’ attakki bil-missili li jaħbtu ftit bogħod minnhom. 

Ħolma li tista’ ssir realtà biss jekk l-awtoritajiet jieħdu azzjoni

Hija faħħret lil dawk kollha li lesti li jibqgħu jissieltu għall-pajjiż li tant tħobb sal-aħħar nifs, suldati li qegħdin jgħixu f’kundizzjonijiet indeskrivibbli u anke ċittadini li qegħdin ibatu mill-atroċitajiet tal-gwerra. 

Inna f’wieħed mill-aħħar ritratti ma’ ommha fl-Ukrajna qabel hi u bintha telqu lejn Malta

“Għandi ħolma li għad nixtieq li ssir realtà qabel ikun tard wisq. Irrid niltaqa’ ma’ ommi mqar darba biss u mingħajr dawn id-dokumenti se tkun impossibbli. Kull sekonda hija prezzjuża għal xi ħadd li qiegħed jgħix f’dar li tista’ tispiċċa mġarrfa minn attakk bil-missili minn ħin għall-ieħor.

Sport