Saturday, December 21, 2024

ARA: “Il-lirika Maltija hija ħajja u għandha tkun moderna u kurrenti”

Il-Kantawtriċi Marija Bellia tgħid li l-lirika tagħha kkonfermat s-sentiment ta’ ħafna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nemmen li hawn iktar bżonn ta’ lirika Maltija. M’għandhiex titqies bħala xi ħaġa antikwata anzi jiena kburija mmens li proprju bil-lingwa tagħna rnexxieli nħalli dak it-timbru li onestament jien stess impressjonata bir-rispons”. Hekk bdiet biex tiddikjara ma’ Talk.mt l-artista lokali Marija Bellia li fl-aħħar jiem bħal ħasdet lil bosta bl-interpretazzjoni moderna tal-kanzunetta l-‘Aħħar Bidwi’ waqt il-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta.

Staqsejna lil Bellia għaliex bil-Malti u għaliex proprju din il-kanzunetta. Hija qalitilna li xhur ilu kienet bdiet proġett li ddur u tiġbed filmati b’xeni partikolari f’pajjiżna u filmat partikolari li spikka kien dak f’Wied il-Għasel fil-Mosta. Minn hemm intgħażlet il-kanzunetta u flimkien ma’ Iona Dalli minn Future Voices Studio bdew minnufih ix-xogħol fuq il-mużika u lirika moderna li kellha twassal is-sentiment ta’ persuni li jinsabu soffokati f’sitwazzjoni ta’ pajjiż ġawra li qiegħed jinbidel minħabba l-kapitaliżmu.

Interessanti l-fatt li l-Kantawtriċi tammetti li għalkemm kien sentiment personali li xtaqet tesprimi mhijiex xi waħda li tħossha kapaċi tagħmel dan bi protesta. Żiedet biex tgħid li però hi u tikteb il-kliem kellha s-sentiment ta’ dispjaċir ta’ dawk kollha li jħossuhom fgati bil-qagħda kurrenti tal-pajjiż. Minn wara l-interpretazzjoni tagħha, Bellia qalitilna li kien hemm mijiet ta’ messaġġi minn persuni li ħafna minnhom għalkemm issoltu qatt ma trattaw is-suġġett fil-pubbliku, użaw il-kanzunetta tagħha biex iħarbxu xi żewġ versi f’posts kontra l-isfruttament tal-ambjent. Hija apprezzat ukoll il-ħidma tal-bidwi, li skont il-lirika jinsab waħdu wara l-moħriet, liema lirika ġiet interpretata minn dawk kollha fis-settur bħala dispjaċir għan-nuqqas ta’ interess jew aħjar opportunità minn bdiewa żgħażagħ li b’ħafna inqas tbatija kapaċi jagħmlu ħafna iktar flus fost raġunijiet oħra għalfejn dawn il-ħaddiema beżlin qegħdin jonqsu fil-popolazzjoni tagħhom.

Rigward is-settur tal-kostruzzjoni, Bellia qalitilna li għalkemm l-ewwel persuna li kellha f’qalbha anke bħala mara kienet Miriam Pace – il-mara li spiċċat mirduma f’darha stess f’inċident li seħħ f’Marzu 2020 fil-Ħamrun, ma setgħetx tħalli barra lill-mibki Jean Paul Sofia li f’Diċembru 2022 miet mirdum f’inċident f’Kordin.

Mistoqsija rigward il-futur tagħha, Bellia qalitilna li tħares ’il quddiem biex filwaqt li tkompli l-istudji tagħha tiftaħ il-bibien għal aktar opportunitajiet fil-karriera mużikali tagħha.

Ekonomija

Sport