Monday, May 20, 2024

ARA: “Irridu nħarsu lejn is-sostenibbiltà tat-trakka li se tinbena”

Jgħid dan Duncan Micallef, President tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se tinbena trakka tal-karozzi f’Ħal Far. Hekk kif saret laqgħa speċjali tal-kabinett fil-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali u li fiha ħadu sehem ukoll diversi personalitajiet midħla tal-isport, Dr Abela ħabbar li dan il-proġett tant mistenni mid-dilettanti tal-motorsport f’pajjiżna, se jkun qed jiswa madwar €20 miljun.

Fl-istess waqt, waqt il-bini ta’ dan il-proġett kbir mhux se tittieħed l-ebda art li hija ‘l barra miż-żona tal-iżvilupp minħabba li t-trakka se tinbena fuq żona li diġà tintuża għal attivitajiet simili.

Din it-trakka se tinbena b’appoġġ mill-Malta Motorsport Federation b’esperti Ġermaniżi li tqabbdu jagħmlu l-pjanti tagħha. Saru wkoll studji dwar il-ħoss sabiex ir-residenti tal-madwar partikolarment dawk ta’ Birżebbuġa ma jbatux minn inkonvenjent ġdid. 

Dan il-proġett li kien ukoll wegħda elettorali, se jkun finanzjat mill-bejgħ tal-passaporti u l-mudell ta’ finanzjament qabel ma’ dak tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (NDSF).

Preżenti għal dik il-laqgħa fost l-oħrajn kien hemm ukoll il-president tal-MMF Duncan Micallef li deher ferm kommoss iżda fl-istess waqt kuntent b’dak li kien qed jiġri. Aħna għamilna intervista miegħu ftit jiem wara dan kollu fejn mal-ewwel qalilna li din il-ħolma tad-dilettanti tal-karozzi saret realtà.

YouTube video

“Din hi ħolma li ilha fuqi qabel ma sirt president ta’ din il-federazzjoni. Kien fl-2018 meta sirt champion Ewropew u hemm kienet qed tissemma’ din l-imbierka trakka. Dak iż-żmien kienet għadha ħolma u issa li se nkun qed nesperjenzaha hi xi ħaġa inkredibbli.”

Micallef irrakkuntalna episodju partikolari meta qabel ma mar jiltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, il-kuġin tiegħu qallu li se jkun qed jaħli l-ħin. Madankollu hu qal li ħadha bħala sfida u baqa’ uża’ l-enerġiji kollha tiegħu sabiex wasal fejn xtaq hu. Dawn l-istess enerġiji tawh il-frott għax issa jista’ jgħid li l-ħolma tat-trakka se ssir realtà.

Fuq kollox din it-trakka mhux ser tieħu l-ebda art li hija ‘l barra miż-żoni tal-iżvilupp u dan hu fattur ferm pożittiv.

“Aħna bħala MMF ħriġna bil-proposti tagħna fuq il-mejda fejn ltqajna diversi drabi mal-Onorevoli Grima apparti li fuq il-pjan lokali tal-Awtorità tal-Ippjanar din iż-żona minn dejjem kienet imniżżla bħala waħda rikreazzjonali. B’hekk ħsibna sew qabel xħettna l-proposti tagħna.”

Micallef semma’ wkoll il-fatt li studjaw anke l-element ta’ ħoss tal-karozzi li kif nafu jkun ftit qawwi. Madankollu wara studji li saru, dawn mhux se jeffettwaw lir-residenti tal-madwar.

“Ħadna ħsieb li nittestjaw karozzi u muturi u naraw ukoll il-livell ta’ ħsejjes li jipproduċu filwaqt li ħareġ il-fatt li mhux se jkun hemm l-ebda xkiel għar-residenti tal-madwar. Aħna ma ridniex noħolqu inkonvenjent ġdid għal ħaddieħor.”

Hawnhekk Micallef irringrazzja lil dawk kollha li kkollaboraw flimkien speċjalment id-disinjaturi ta’ dan il-proġett li ħadmu bir-reqqa sabiex ma jħallu barra l-ebda dettall.

Iżda kif wieħed jista’ jqabbel din it-trakka li se tinbena ma’ dawk Ewropej? Il-president tal-MMF qal li dawn il-faċilitajiet huma omologati li jfisser li jkunu ċċertifikati mill-FIA (Federation Internationale de l’Automobile). Issa li din it-trakka se tkun disponibbli, il-pjan hu li jiġu organizzati avvenimenti internazzjonali fosthom kampjonat li mistenni jibda minn Malta fis-sena 2023. Għalhekk il-ħsieb hu li jkun hemm tlielaq tal-Formula 4 u possibilment tal-Formula 3 fi trakka ta’ madwar żewġ kilometri. 

Saqsejna lil Duncan Micallef dwar il-ħolma tal-Formula 1 f’pajjiżna u hu kien skjett fid-diskors tiegħu.

“Fil-verità tlielaq tal-Formula 1 ma jagħmlux sens għal pajjiżna minħabba l-art u l-problema tat-tul tat-trakka. Għalhekk iktar irridu nħarsu lejn is-sostenibbiltà tat-trakka li se tinbena, li tagħti l-frott tagħha u nibqgħu dejjem saqajna mal-art u nimxu skont dak li se jkollna quddiemna.”

Micallef saħaq ħafna fuq ir-relazzjoni tajba li għandu mal-president tal-FIA Jean Todt. Huwa qal li r-relazzjoni bejn l-MMF u l-FIA kienu dejjem b’saħħithom għalkemm issa beħsiebhom jissaħħu wara t-tħabbira tal-bini tat-trakka l-ġdida f’Ħal Far. 

“L-FIA partikolarment Jean Todt, faħħret l-assoċjazzjoni tagħna għax bqajna nemmnu f’dan il-proġett. Din l-assoċjazzjoni dinjija se tkun qed tarana minn lenti differenti u nemmen ukoll li se jkollna aktar rispett mill-membri fi ħdan din l-assoċjazzjoni.”

Duncan Micallef temm jirringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat li “raw li l-ħolma tagħna ssir realtà u li fehmu l-bżonn ta’ din it-trakka sabiex dan l-isport li tant ġabilna suċċessi jkompli jiżviluppa.”

Huwa rringrazzja wkoll lil sħabu tal-Kumitat li taw qalbhom biex jgħinu f’dan il-proġett li issa se jsir realtà u lill-familja tiegħu tal-appoġġ enormi tagħhom speċjalment fi tmiem il-ġimgħa meta kien iqatta’ ħafna ħin barra mid-dar. 

Sport