Friday, October 11, 2024

Ara: Jiġri minn Buġibba sa Ħal Qormi b’risq Puttinu Cares f’isem Ramiro & Friends

Aqra wkoll

Iz-ziju ta’ Ramiro, iż-żagħżugħ li ftit tax-xhur ilu ħalla din id-dinja, irnexxielu jiġri minn Buġibba sa Ħal Qormi. Huwa għamel dan b’risq Puttinu Cares u f’isem ‘Ramiro & Friends’.

Fuq il-paġna ta’ Puttinu Cares ġie innotat li z-ziju George kien wieħed mill-ewwel voluntiera ta’ Puttinu. Huma rringazzjaw lil dawk kollha li qed jagħmlu l-ħolma ta’ Ramiro realtà.

George qal li Ramiro kien il-motivazzjoni tal-altruwiżmu tiegħu biex mill-bidu nett, fl-2004, jinvolvi ruħu volontarjament ma’ Puttinu Cares u b’hekk ikun ta’ għajnuna għal tfal, ġenituri u nies oħra li bħal Ramiro għaddew mill-marda tal-kanċer u problemi li l-mard iġib miegħu.

L-altruwiżmu ta’ Ramiro wassal biex hu jibda l-grupp Ramiro & Friends, biex ikun jista’ jkompli jgħin flimkien ma’ żgħażagħ oħrajn, lil min bħalu għadda jew jkun għaddej mill-problemi ta’ mard.

Iżda x’inhu s-sinifikat li z-ziju George ġera minn Buġibba sa Ħal Qormi? Huwa spjega li l-ewwel attività li Ramiro kien għamel, kienet minn Buġibba fis-27 ta’ Diċembru 2016, u sa Ħal Qormi għax l-ewwel attività ta’ Ramiro & Friends wara mewtu ssir f’raħal twelidu.

L-iskop ta’ din il-ġirja kien li żgħażagħ oħra bħal Ramiro, filwaqt li jiġbru fondi b’risq Puttinu Cares, ikabbru l-għarfien dwar il-grupp ‘Ramiro & Friends’ li qed jaħdmu biex jagħmlu x-xewqa li kellu Ramiro realtà u dan il-grupp isir NGO.

Sport