Monday, April 22, 2024

Heritage Malta tiċċelebra l-bidu tal-ħarifa b’mod uniku fl-Imnajdra

Aqra wkoll

L-Ekwinozju tal-Ħarifa, li jħabbar il-wasla ta’ staġun ġdid, se jiġi ċċelebrat bi żjarat iggwidati organizzati minn Heritage Malta fl-Imnajdra fil-21 u t-22 ta’ Settembru.

Faċċata tal-entratura ewlenija tas-sit presitoriku tal-Imnajdra, daħla mħaddna minn żewġ ġebliet kbar mimlijin toqob żgħar timmarka l-post fejn iseħħ fatt kurjuż fil-bidu ta’ kull staġun ġdid.

Ma tlugħ ix-xemx fl-ewwel jum tar-rebbiegħa u tal-ħarifa (l-Ekwinozji) u fl-ewwel jum tas-sajf u tax-xitwa (is-Solstizji), ir-raġġi tagħha jiddrittaw perfettament u jixegħlu dan il-passaġġ. Għalkemm mhux ċar jekk dan kollu kienx intenzjonat, ir-rotta tar-raġġi tax-xemx tant hija sistematika li l-intenzjoni hija probabbli ħafna.

F’soċjetajiet agrikoli preistoriċi, l-osservazzjoni tal-moviment tal-istilel, il-qamar u x-xemx kienet marbuta mill-qrib mal-bdil tal-istaġuni u ż-żminijiet meta jitħawlu u jinħasdu l-uċuħ tar-raba’.

Fil-21 u t-22 ta’ Settembru, Heritage Malta tistiednek tesperjenza personalment dan il-fenomenu antik billi żżur l-Imnajdra, li hija parti minn Sit ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO.

Matul kull żjara ggwidata, il-viżitaturi se jaraw l-ewwel raġġi tax-xemx tielgħa jixegħlu l-passaġġ ċentrali fil-binja tan-Nofsinhar, proprju bħalma kien iseħħ fl-aqwa żminijiet tas-sit, aktar minn 5000 sena ilu.

Se jingħata wkoll tour tas-sit tan-Natura 2000 li hemm fil-madwar, u tal-binja Ċentrali u tal-Lvant fl-Imnajdra. Kafè jiġi offrut lill-parteċipanti qabel it-tour.

Biex ikun garantit li l-viżitaturi jkollhom l-aqwa esperjenza ta’ dan il- fenomenu filwaqt li jiġu rispettati l-miżuri ta’ distanza soċjali, hemm biss numru limitat ta’ biljetti disponibbli għal dan l-avveniment. Il-biljetti jinxtraw mill-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta jew online minn hawnhekk:

21 ta’ Settembru: https://shop.heritagemalta.org/index.asp?eventid=783

22 ta’ Settembru: https://shop.heritagemalta.org/index.asp?eventid=782

Il-biljetti jiswew €30, bi prezz imraħħas ta’ €20 għall-membri ta’ Heritage Malta.

Il-parteċipanti għandhom jiltaqgħu fis-6:15am barra ċ-Ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra. Dawk li jattendu jridu jilbsu maskra u jirrispettaw il-miżuri ta’ distanza soċjali.

Sport