Friday, November 29, 2024

ARA: “Lilek Biss … minn bewsa bil-moħbi … sakemm tiġi l-mewt u tifridna”

Kapitlu Tlettax b’kanzunetta ġdida dwar is-sinifikat tal-veru mħabba

Aqra wkoll

“Lilek biss inħobb. Lilek biss irrid … Għax f’qalbi inti saltant minn meta konna għadna tfal u dak li bnejna jien u int ma jista’ jkissru ħadd”. Dan huwa vers b’saħħtu minn dak li kapaċi joħroġ mill-pinna ta’ Joseph Calleja fl-aħħar kanzunetta ‘Lilek Biss’ b’kollaborazzjoni mal-kantanta bravissima Maria Cini.

YouTube video

‘Lilek Biss’ hija bbażata fuq storja ta’ mħabba vera li minkejja relazzjoni pjuttost kumplikata tfakkar li dak li nżera’ f’relazzjoni li bdiet bejn żewġt itfal immaturi u moħħ ir-riħ m’hemm xejn li jista’ jkissru għax l-esperjenzi kollha – sbieħ u koroh iffurmaw il-koppja.

L-awtur jikteb dwar ċertu dgħufija min-naħa tal-għarus u l-fatt li minħabba sfidi kbar soċjali minn meta kien għadu tifel, jara fil-maħbuba tiegħu figura ta’ omm li daħlet biex tkun l-ispalla li kellu bżonn meta kien fil-qigħ u kważi ċeda.

Jitratta wkoll l-għira bħala xi ħaġa awtomatika u saħansitra jitlob skuża għal xi drabi saħansitra jaħseb ħażin sforz tal-biża’ li terza persuna tipprova tidħol bejniethom biex tisfratta dak li beda minn “bewsa bil-moħbi quddiem il-bandli tad-dar”.

Bil-koppja f’waħda mill-aktar ġranet sbieħ ta’ ħajjithom fl-isfond, Joseph Calleja u Maria Cini jitkellmu dwar fjamma li nfirxet ġon-nar u univers li donnu jixtieq lill-koppja jibqgħu “flimkien sakemm jasal il-mument jixjieħu t-tnejn u tiġi l-mewt tifridna”.

Din il-kanzunetta ssegwi s-suċċess tal-kanzunetta “Nittama Fikom” li b’kollaborazzjoni ma’ Liston Bongailas messet ir-realtà tal-Parent Alienation, l-innoċenza tat-tfal li ħafna drabi jsibu ruħhom mingħajr vuċi quddiem l-ebusija tar-ras bejn ġenituri li meta tisfaxxa r-relazzjoni ta’ bejniethom jinfexxu f’piki li jkissru dak kollu li jkunu bnew.

Il-kanzunetta għandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.

Sport