Wednesday, July 24, 2024

ARA: “M’aħniex purċinelli … talbuna sink wara kull stall”

L-organizzaturi ta' Natalis Notabilis b'reazzjoni għal talbiet "impossibbli" minn tas-sanità

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“It-talbiet li għamlulna f’nofs l-attività kienu impossibbli. Dawn talbuna sink wara kull stall u konna lesti nwaqqfu l-attività”. Iddikjara dan f’indirizz li għamel lis-sidien kollha tan-negozji li kien hemm Natalis Notabilis wara li llejla numru ta’ uffiċjali tas-sanità marru waqt li kienet għaddejja l-attività u qalu li kienu se jħarrku lil kulħadd.

Wieħed mill-organizzaturi hu u jispjega x’ġara, qal li minkejja li din l-attività ilha tittella’ mill-2016 u ħadd qatt ma talab li jsir dan kollu.

“Ma tistax iżżarma kulma hawn wara 10 xhur ta’ ħidma biex tgħaddi l-ilma wara kull stall għax tkun qiegħed tbigħ doughnut jew Coca”, kompla biex jispjega filwaqt li qal li bħala organizzaturi fuq bażi volontarja ddeċidew li għall-ġid ta’ kulħadd ikun aħjar jekk l-attività tiġi abbandunata.

Fl-inidirzz tiegħu dan l-organizzatur qal li meta staqsew x’kienet se tkun il-multa li insistiet li se tagħti waħda mill-uffiċjali, it-tweġiba li ngħataw kienet li kellha tiddeċiedi l-Maġistrat u għalhekk ma setgħux jerfgħu r-responsabbiltà.

Żied jgħid li għalkemm l-attività għal qalbhom ħafna, minħabba s-serjetà tagħhom huma kienu lesti li jieqfu u kien għalhekk li ħadu dik id-deċiżjoni. Saħqu li sa dalgħodu stess kellhom laqgħa mal-awtoritajiet u kien hemm qbil li dawn it-talbiet tas-sanità jiġu realizzati mis-sena d-dieħla għax huma favur li jkunu up to standard.

Huwa temm biex jgħid li mad-deċiżjoni li jwaqqfu kollox, ġew mitkellma mill-ġdid u qalulhom li setgħu jkomplu għall-attività ta’ din is-sena basta mis-sena li ġejja jaġġornaw skont it-talbiet.

“Jekk talbuna ambulanza, jekk talbuna miżuri kontra każ ta’ nar u ma nafx x’iżjed ġibna kollox, imma aħna m’aħniex purċinelli u jekk jirritornaw biex iwaqqfuna, imbagħad immorru ’l hemm”, temm jgħid filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li huma parti minn din l-attività.

Ekonomija

Sport