Monday, May 13, 2024

[ARA] Messaġġi ta’ ispirazzjoni mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż f’dan iż-żmien ikkaratterizzat mill-pandemija

Aqra wkoll

Il-vidjow mużikali SMILE, imniedi waqt konferenza stampa fi Pjazza Kastilja fil-Belt Valletta, jippreżenta arranġament ġdid tas-silta klassika ta’ Charles Chaplin mill-Perkussjonista Prinċipali tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Daniel Cauchi. Minbarra li jkanta hu, Daniel Cauchi jingħaqad mat-tenur famuż Malti Joseph Calleja u mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fil-verżjoni ta’ din il-kanzunetta bil-Malti, tradotta minn Michael Spagnol, magħruf fil-promozzjoni ta’ lsienna. 

Il-vidjow mużikali jinkludi messaġġi ta’ ispirazzjoni mill-President ta’ Malta George Vella, mill-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela, mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles Scicluna, mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Dr Charmaine Gauci.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli sostniet li dan l-ewwel ta’ Mejju li għadna kemm fakkarna lbieraħ kien fih sinjifikat akbar: ta’ għaqda nazzjonali, ta’ mixja ta’ poplu li ġibed ħabel wieħed iżda wkoll ta’ ħidma u ta’ strateġija differenti ta’ kif Malta qed tipprepara ruħha għal wara l-Covid.

Il-ministru fissret li din il-produzzjoni tirrappreżenta u tgħaqqad l-ottimiżmu u mal-kuraġġ ta’ poplu magħqud, imma wkoll parti sostanzjali mill-ħidma li qed issir bħalissa mill-Ministeru għat-Turiżmu biex nattiraw niċeċ differenti ta’ turiżmu fosthom l-arti, il-kultura u t-turiżmu reliġjuż.

Il-ministru spjegat li 10% tat-turisti jagħżlu li jżuru pajjiżna esklussivament minħabba l-istorja u l-kultura uniċi tagħna filwaqt li aktar minn 50% tat-turisti jagħżlu l-gżejjer Maltin mhux biss għall-istorja u għall-kultura imma wkoll għat-temp bnazzi li aħna magħrufin għalih. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li minkejja li bħalissa t-turiżmu hu assenti, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed taħdem fuq diversi proġetti anke b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta sabiex inkomplu nirriklamaw lil pajjiżna bħala l-ewwel destinazzjoni li t-turist għandu jżur wara l-Covid.

Il-Ministru José Herrera qal li, “Illum qegħdin hawnhekk biex inwasslu messaġġ ta’ kuraġġ u ta’ pożittività”. Il-Ministru Herrera semma li proprju ġurnata biss wara li l-gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa qablu li jibdew inaqqsu r-restrizzjonijiet relatati mal-imxija tal-COVID-19 kif ukoll ġurnata wara Jum il-Ħaddiem, permezz tal-mużika u tat-talent kulturali f’pajjiżna qed inwasslu dan il-messaġġ pożittiv f’sens ta’ unità. “Dan il-poplu dejjem rebaħ l-isfidi li jkollu quddiemu għax kien magħqud,” ikkonkluda l-Ministru Herrera.

Iċ-Ċermen tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Sigmund Mifsud qal li l-Orkestra qed issarraf ir-restrizzjonijiet imposti mill-COVID-19 f’opportunitajiet innovattivi.

Il-fatt li l-kunċerti skedati kellhom jitħassru, qed joffri spazju biex l-Orkestra tibqa’ tiffoka fuq il-missjoni ewlenija tagħha li twassal il-mużika, issa b’mod ġdid f’dinja diġitali. Il-mużika, bħal tbissima, għandha s-saħħa tibdel id-dinja. “B’hekk ħassejna li hu xieraq li, permezz tal-arti, inwasslu messaġġ pożittiv li jagħti kuraġġ lil kull wieħed u waħda minna quddiem l-isfidi ġodda tal-lum”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg spjega li l-Awtorità tinsab  kburija li qed tikkollabora ma’ entitajiet eċċellenti fix-xena kulturali lokali. L-Orkestra Filarmonika hi ċertament waħda minn dawn l-entitajiet, bir-reputazzjoni tagħha tkompli tikber lil hinn minn xtutna. L-Awtorità bi pjaċir tagħti s-sapport tagħha għal inizjattiva bħal din, waħda li ġġib messaġġ pożittiv ta’ tama lil kulħadd.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta tagħti ħajr lill-mexxejja tal-pajjiż li ngħaqdu f’din l-inizjattiva, kif tingħaqad Malta kollha f’arja ottimista għal ġejjieni sabiħ.

Sport