Wednesday, April 24, 2024

ARA: Pajjiżna wasal f’punt li jkollu t-tieni sptar ċentrali

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Naħseb li wasal iż-żmien li pajjiiżna jkollu t-tieni sptar ċentrali. Il-viżjoni tal-Gvern hi li se mmorru ‘l hemmhekk”. Dan iddikjarah il-Ministru tas-Saħħa u Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela f’intervista li kellu ma’ dan il-ġurnal.

Il-Ministru Abela qal li wasal iż-żmien li wieħed jirrealizza li l-popolazzjoni ta’ pajjiiżna kibret u li ħafna jiddependu fuq Mater Dei bħala l-Isptar akut ċentrali. B’referenza għal pajjiżi lil hinn minn xtutna, l-Ministru spjega kif meta jkun hemm sptar li jimtela bil-pazjenti, dak l-isptar jagħlaq u l-pazjenti jiġu mħeġġa biex imorru fi sptarijiet oħra.

Mistoqsi jekk hemmx problema ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei, il-Ministru Abela qal li diversi rapporti juru li jkun hemm diversi sodod vojta u battala. Huwa kompla spjega li minkejja li dawn ikunu vojta, tittieħed konsiderazzjoni tal-aktar ħaġa importanti fis-saħħa u fl-anzjanità, dik tal-infrastruttura. Dwar dan, żied jgħid li bħala Ministeru qegħdin jaħdmu sabiex din titjieb u sabiex din tiġi mwessgħa.

Il-Ministeru se jkompli jaħdem mal-viżjoni tal-Gvern. Dan sabiex il-qasam tas-saħħa u dak tal-anzjani ikompli jinbena fuq it-tajjeb li diġa’ sar. Il-Mnistru Abela qal li l-ideat tiegħu bħala Ministru tas-Saħħa jitkellem fuqhom mal-Prim Ministru Robert Abela u mal-pubbliku.

Abela qal “Din mhijiex kwistjoni ta’ Ministeru biss. It-tim irid ikun ċert li jwettaq il-wegħdiet elettorali u tal-Budget. Ovvjament fejn naraw li nistgħu ntejjbu xi ħaġa, ma rridux li nkunu stretti b’viżjoni assoluta”.

Sabiex jinqeda fil-qasam tas-saħħa, il-pubbliku jagħmel użu mill-Isptar Mater Dei. Bosta jsaqsu x’inhi l-possibilita’ li ċ-ċentri tas-saħħa jibdew joffru servizzi sabiex tonqos il-lista ta’ stennija ta’ Mater Dei. Staqsejna lill-Ministru dwar dan, fejn qalilna li meta wieħed jikellem fuq is-saħħa, din għandha żewġ livelli.

Hemm is-servizzi tas-saħħa li huma ċentralizzati, fejn is-servizzi bilfors iridu jiġu mogħtija minn sptar ċentrali. Fil-każ tagħna l-Maltin, wieħed jagħmel użu minn Mater Dei u f’Għawdex jintuża l-Isptar Ġenerali. Qal ukoll li hemm servizzi li jistgħu jiġu deċentralizzati, jiġifieri servizzi li jiġu mogħtija fiċ-ċentri tas-saħħa.

Il-Ministru enfasizza li l-ħidma fis-settur tas-saħħa ilha għaddejja fil-pajjiż. Fl-irwol li kellu qabel, bħala Ministru għall-Anzjanità Attiva, kien jisħaq ħafna fuqha, speċjalment fuq s-servizzi li jingħata fir-residenza San Vinċenz de Paul. Hemmhekk tul l-aħħar sentejn u anke tlieta, kien hemm żieda ta’ 17 -il klinika ġdida f’kull speċjalita ta’ mediċina u kirurġija.

Abela qal; “Aħna beħsiebna u għandna viżjoni li nsaħħu s-servizzi mhux biss tal-Emeġenza, imma sabiex inkomplu nsaħħu l-polyclinics sabiex dawn jagħtu servizz ta’ outpatient jew anke ta’ xi tip ta’ proċeduri żgħar”.

Wieħed ma jistax jinsa li l-pilastru ewlieni fil-qasam tas-saħħa, huwa r-riżors uman. Il-Ministru Abela kien mistoqsi dwar jekk hawnx biżżejjed ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam. Huwa beda biex spjega li mhuwiex biżżejjed li wieħed jiġi mħarreġ għax dejjem hemm ukoll il-bżonn ta’ reklutaġġ.

Il-Ministru Jo Etienne Abela temm jgħid li huwa għalhekk li ma hemmx għażla oħra, għajr li jimpurtaw infermieri u carers u l’quddiem jaf ikun hemm bżonn li jimpurtaw esperti fir-radjografija. Pemezz ta’ dan kollu, il-Gvern kommess li jagħmel minn kollox sabiex ir-riżors uman jġibu lejn pajjiżna u jieħu ħsiebu.

Sport