Sunday, December 22, 2024

ARA: “Stajt tlift lil uliedi … Naprezzaw kull forma ta’ għajnuna”

… tappella biex ħadd ma’ jafda b’mod speċjali fi żmien il-Milied

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“It-tfal kienu fil-kamra tas-sodda tagħhom. Kienu qegħdin jilagħbu ferħanin u kien għadni kif ġbart il-ħwejjeġ minn ħdejhom għax għandi l-gallarija dik in-naħa. Daqqa minnhom ġie t-tifel il-kbir ta’ ħames snin qalli mummy ejja iġri ara x’ġara … Tlifna kollox”. Iddikjarat dan Christine f’intervista ma’ Talk.mt wara li t-Tlieta li għadda tilfu kollox kawża ta’ nirien li ħakmu r-residenza tagħhom fi Vjal Kristu Re f’Raħal Ġdid.

Christine b’qalbha maqsuma qalitilna li dak il-ħin maħsuda għax binha qatt ma kellu reazzjoni simili, marret fil-kamra tagħhom u kien hemm is-saqqu jaqbad. Maħkuma mill-paniku sabet l-ewwel borma fil-kċina, mlietha bl-ilma u waddbitha fuq is-sodda. Kif rat li kien għalxejn, kien hemm barmil fil-bitħa mimli bl-ilma, waddbitu, iżda d-daħna kompliet titla. Hija sostniet li mhumiex affarijiet li tippretendi li se jiġru. Kollox ġara f’sekonda u lanqas jekk toħlomhom jew tiktibhom ma temmen li jistgħu jiġru lilek.

“Għidt daqshekk, qbadt lil uliedi, morna ’l ġewwa fil-kamra tagħna u sejjaħt għall-għajnuna u f’kemm ilni ngħidlek rajna uffiċjali ġejjin jagħtu l-ewwel għajnuna”, kompliet biex tispjega filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li taw sehemhom hekk kif kawża ta’ dħaħen li laħqu belgħu hi u wliedha ta’ sentejn u ħames snin spiċċaw fl-ambulanza għall-ossiġnu. 

“It-tifel kulma qiegħed jgħidli… mummy Toy… Toy … Toy”, kompliet biex tiċċara l-mara filwaqt li sostniet li d-dawl huwa perikoluż daqskemm hu bżonjuż. Mistoqsija dwar x’seta’ kkawża dan l-inċident, l-omm qalitilna li ma kien hemm l-ebda apparat elettroniku li seta’ kkawża n-nirien. Hija appellat li issa li kull ma jmur qegħdin nersqu lejn żmien il-Milied, dak li jkun ma jafdax għax hawn min jissogra b’ħafna plakek f’xulxin speċjalment fl-armar tas-siġra tal-Milied.

Dwar x’inhi l-aktar ħaġa li hemm bżonn fl-appell ta’ għajnuna li beda jiċċirkola fl-aħħar sigħat minn ħbieb tagħhom, l-omm qalitilna li sa qatra ilma bħalissa wkoll hija apprezzata. Irringrazzjat lil persuna li wara biss ftit ġimgħat jafhom, mill-ewwel kif sema’ x’kien ġara ċemplilhom u offrielhom akkomodazzjoni mingħajr ħlas. Barra minn hekk bħalissa qiegħed jiġi ċirkolat ukoll in-numru ta’ revolut 79781604 fejn kwalunkwe donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira tista’ tgħinhom fi spejjeż kbar li deħlin fihom. 

“S’issa diġà offrewlna skip kbira għax kif qegħdin taraw il-post huwa kompletament maħruq, irċevejna xi ħwejjeġ għat-tfal u anke xi flus permezz ta’ revolut. Kull min jista’ joffri xi xogħol tal-idejn bħalma huwa tindif, tibjid, dawl u ilma u xogħlijiet oħra huma ferm apprezzati … Kif diġà għidtlek, ma nistenna xejn mingħand ħadd imma kull farka għajnuna tista’ tbiddlilna ħajjitna f’dan il-mument. L-affarijiet materjali terġa’ ġġibhom imma jekk jintilfu l-ħajjiet bħalma stajt tlift lil uliedi jien ma terġax iġġibhom”, temmet tgħid il-mara.

Ekonomija

Sport