Folla ġmielha ta’ nies lebsin ilbies imħallat fosthom ta’ lewn roża nġabret biex tagħti l-aħħar tislima lil Marzia Maatouk fil-knisja Parrokjali ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Iċ-ċelebrant li mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tagħha beda biex jispjega li fil-ħajja jkollna ħafna misteri li mhux dejjem insolvuhom u hemm oħrajn li nispiċċaw nibqgħu nistaqsu mistoqsijiet bħal kif u għaliex għax ħadd ma jasal biex jagħti tweġiba.
Huwa ddeskriva lil Marzia bħala tfajla ta’ 24 sena b’natural sabiħ, tħobb issajjar il-ħelu, sempliċi, ħaddiema normali, kapaċi tpenġi u b’qalb ħelwa kollha ħajja.
Kompla dwar il-ħajja u li quddiem ċertu misteri jkun inutli li nduru fuq min għandu ħafna ġid, fuq l-għorrief jew fuq dawk li jaħsbu li jistgħu jiddominaw id-dinja.
Temm jappella favur ħajja pożittiva li l-motiv warajha għandu jkun kif se ngħixu u mhux kemm se ngħixu jekk hux 20,60 jew 80 sena.
Marzia Calleja Maatouk kienet se tkun qiegħda tingħata l-aħħar tislima fl-aħħar tax-xahar li għadda iżda, iżda l-funeral kellu jiġi pospost minħabba li kellha tinħatar inkjesta maġisterjali.
Marzia kienet maħruba minn Malta flimkien mar-raġel tagħha, Jomic Calleja Maatook. It-tnejn li huma kienu sabu ruħhom fuq il-lista tal-iktar persuni mfittxija fl-Ewropa. Filwaqt li r-raġel kien ġie arrestat, it-tfajla kienet nstabet bla ħajja fil-Libja f’Mejju li għadda.