Thursday, April 25, 2024

ARA: “Tlifna ħajja minħabba li l-istandards Afrikani mhumiex tal-livell Ewropew”

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Boxing dwar il-mewt tal-boxer Afrikan

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Illum hawn assoċċjazzjonijiet li jkunu magħqudin ma’ assoċjazzjonijiet mondjali li qegħdin hemm biex jissalvagwardjaw is-saħħa fiżika u mentali tal-atleta”. Iddikjara dan ma’ talk.mt il-President elett tal-Assoċjazzjoni tal-Boxing Maltija Marc James.

Huwa qalilna li l-atleta huwa espost għal numru ta’ daqqiet u għalhekk huwa bżonnjuż ħafna li l-atleti jkunu jafu dwar regolamenti bażiċi bħalma huwa scan tal-moħħ. Żied jispjega li mal-Għaqda ta’ Malta, biex tkun tista’ tikkompeti, trid tagħmel MRI biex il-moħħ jiġi analizzat minħabba xi ħsara li jista’ jkun hemm.

YouTube video

Kellimna dwar il mewt tal-boxer Afrikan Simiso Buthelezi u qalilna li dak li seħħ kien minħabba nuqqas ta’ standards fil-pajjiż. Buthelezi xi ħin jew ieħor qabel il-ġlieda kellu vina f’moħħu tqattar id-demm. Li ġara huwa li meta kien hemm pressjoni fuq il-laħam tal-moħħ, kien hemm reazzjoni tal-kimiċi fil-moħħ meta hu kien qiegħed jerbaħ b’tali mod li waqqa’ l-avversarju tiegħu fuq il-kanvas u ntilef minn sensih. “Sfortunatament dak il-boxer tlifnih jumejn wara minħabba li fl-Afrika m’hemmx standards biżżejjed wara l-ġlieda tant li din il-vina baqgħet tnixxi d-demm sakemm waqa’ f’koma u ma kienx hemm biżżejjed ħin biex isiru l-interventi li hemm bżonn.

Marc James; President elett tal-Assoċjazzjoni tal-Boxing Maltija

Bħala l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Boxing Maltija, Marc spjega li l-assoċjazzjoni għadha kemm rebħet l-unur li ġġib f’pajjiżna s-37 pajjiż li jinsabu fil-European Boxing Union li huwa s-sottokumitat tal-FIFA. Spjegalna li l-assoċjazzjoni trid tieħu din l-opportunità biex tirrevedi l-istandards bħalma huma standards mediċi li jiddettaw jekk wieħed jistax jingħata l-liċenzja jew le.

Kellimna wkoll dwar il-Chronic Traumatic Encephalopathy (CTE) u l-bżonn li jsiru aktar studji dwarha fil-kungress tal-Ewropa fejn anke jinħarġu l-istatistiċi dwarha. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ boxing, għaliex din il-kundizzjoni tinstab ukoll fi plejers tal-futbol minħabba daqqiet ta’ ras fuq il-ballun. Infatti l-plejers f’nofs il-grawnd huma l-aktar affettwati.

“Mhux ġust li boxer jidħol fi ġlieda u ma jkun hemm ħadd responsabbli”

Marc James

“L-effetti huma ħafna akbar fil-boxing, ngħiduha kif inhi, fil-boxing wieħed qiegħed jagħti daqqa ta’ ponn f’nofs wiċċ l-ieħor”, kompla Marc filwaqt li saħaq li b’aktar studji dwar din il-kundizzjoni, it-tobba u l-professuri jistgħu jiggwidaw l-assoċċjazzjonijiet biex fuq livell internazzjonali jbiddlu l-istandards tagħhom.

Marc sostna li mhux ġust li boxer jidħol fi ġlieda u ma jkun hemm ħadd responsabbli. “Nieħdu eżempju bil-każ ta’ Buthelezi, min hu responasabbli? L-Għaqda internazzjonali li ħarġet trid titlu? L-Għaqda lokali li ma kellhiex l-istandards? Min se jidfnu dan it-tifel? Min se jmantni l-familja fqira tiegħu?”, temm jisħaq Marc filwaqt li sostna li dan kollu jeħtieġ li jsir qabel ikun tard wisq.

Dwar il-każ tal-mewt ta’ Simiso Buthelezi

F’Ġunju li għadda, il-boxer mill-Afrika t’Isfel, Simiso Buthelezi miet fl-etá ta’ 24 sena wara ġlieda lightweight kontra l-avversarju Siphesihle Mntungwa.

Buthelezi kien qed jidher li se jirbaħ din il-ġlieda meta attakka lil Mntungwa, b’dan tal-aħħar jipprova jilqa’ d-daqqiet f’rokna fejn anke deher jitħabbel mal-ħbula.

Iżda wara li r-referee internvjena u mbagħad għamel sinjal biex titkompla l-ġlieda, Buthelez deher idur lejn ir-referee u beda jagħti daqqiet fil-vojt. Ir-referee mill-ewwel waqqaf il-ġlieda fejn Buthelezi beda jingħata attenzjoni medika fejn ittieħed l-isptar b’urġenza.

Il-familja tiegħu ħabbret tat l-aħbar tal-mewt tiegħu ftit tas-sigħat wara fejn irriżulta li huwa miet b’injury fil-moħħ.

Sport